Beyene Fessahatsion Weldeabzghil mill-Eritreja li għadnu 33 sena, ġie kkundannat disa’ snin ħabs wara li ammetta li pprova jistupra tfajla waqt li kienet miexja lejn ix-xogħol fil-Furjana. Kien fi Frar li għadda li r-raġel ammetta quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil dan ir-reat.
Ħareġ li l-Pulizija rċeviet rapport dwar persuna li x’aktarx kienet qed tiġi stuprata viċin Floriana Gardens. Mal-Pulizija l-vittma qalet li waqt li kienet miexja għax-xogħol, ir-raġel qabeż fuqha, neħħielha l-ħwejjeġ u pprova jkollu x’jaqsam magħha sesswalment.
Il-mara bdiet tgħajjat għall-għajjut u rnexxilha tirreżisti l-istupru bil-Pulizija tasal fuq il-post u tarresta lir-raġel u ressqitu l-Qorti. Il-Maġistrati Camilleri Busuttil ikkundannat lil Weldeabzghil, seba’ snin ħabs b’rabta mal-attentat ta’ stupru u sentejn oħra għax wettaq dan ir-reat waqt il-perjodu ta’ sentenza sospiża li kellu b’rabta ma’ każ ieħor.
Dan il-każ kien dwar fastidju sesswali fuq minuri f’Tas-Sliema fl-2022. Għaldaqstant, b’kollox ġie kundannat disa’ snin ħabs.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut flimkien mal-Avukati Jurgen Dalli u Jennifer Polidano f’isem l-Avukat Ġenerali waqt li għall-akkużat dehret l-Avukat Alexia Vassallo.
//= $special ?>