Issa li l-funeral tal-Papa Franġisku ġie u għadda, tul din l-aħħar ġimgħa qrajna u smajna dwar ħidmet il-Papa f’oqsma differenti. Ftit kienu dawk li tkellmu jew għażlu li jħarsu lejn ir-relazzjoni li l-pontifikat tal-Italo-Arġentin kellha mal-logħba tal-futbol, li fil-veritá kienet waħda mill-akbar passjoni ta’ Jorge Bergoglio sa minn ċkunitu.
Il-Kap tat-Taqsima Sport ta’ Net Media, Christian Micallef għażel li jikteb kontenut riċerkat minn dan l-aspett, b’dettalji u informazzjoni mill-aktar interessanti li forsi mhux kulħadd kien jafhom.
Nhar is-Sibt li għadda, il-Knisja Kattolika tat l-aħħar tislima lil Jorge Bergoglio, l-ewwel Papa mhux mill-Ewropa, li mal-bidu tal-pontifikat tiegħu, f’Marzu tal-2013, kien għażel isem Franġisku għal San Franġisk t’Assisi fl-Italja.
Il-Papa Franġisku kien Italo-Arġentin, u għex ‘il biċċa ‘l kbira ta’ ħajtu fl-Arġentina. Mir-rakkonti ta’ tfulitu u anke minn dak li rajnih jagħmel tul it-12-il sena li dam Papa, m’hemm dubju li jekk il-predeċessur tiegħu kien jammira l-mużika klassika ta’ Mozart, dan kien dilettant kbir tal-futbol.
Ħafna minn dan id-dettal kitbu l-Papa nnifsu fil-awtobijografija tiegħu bl-isem ta’ ‘Hope’, bil-Malti tama, fejn iddeskriva t-tfulija tiegħu bħal dik ta’ ħafna tfal oħra fl-Arġentina, li sa minn etá tenera kienu jiġru fit-toroq tal-akwati fejn kienu joqogħdu, jilagħbu għal sigħat twal bil-ballun, fil-belt fejn kien joqgħod, Las Flores, fil-provinċja ta’ Buenos Aires.
Minkejja l-passjoni tiegħu lejn il-logħba s-sabiħa, Papa Franġisku kien umli biżżejjed biex fl-awtobijografija tiegħu jgħid li l-abiljtajiet u l-ħiliet tiegħu fil-futbol kienu tant fqar li sħabu kienu tawh il-laqam ta’ “hard foot”; iġifieri kellu saqajn tqal wisq biex jilgħab din il-logħba.
Madankollu din in-nuqqas ta’ abilitá u l-ħolma li forsi seta’ kellu bħal kull tifel Arġentin, li jagħmel karriera fil-futbol, ma waqfitux milli jkompli jsegwi b’passjoni u interess lit-tim favorit tiegħu fl-Arġentina, San Lorenzo. Anke meta sar Papa, Jorge Bergoglio mhux biss baqa’ jsegwi lil dan it-tim, iżda baqa’ jħallas it-tessera bħala membru tal-klabb. Sena wara l-bidu tal-pontifikat papali tiegħu, San Lorenzo rrnexxilhom jirbħu għall-ewwel darba l-Copa Libertadores, l-ogħla unur fuq livell ta’ klabb fil-kontinent tal-Amerika t’Isfel; kompetizzjoni ekwivalenti għall-UEFA Champions League tal-Ewropa.
Wara dan is-suċċess, it-tmexxija tal-klabb ta’ San Lorenzo, flimkien mal-plejers, kienu kollha marru Ruma, bit-trofew mirbuħ, sabiex jiċċelebraw dan il-mument storiku mal-Papa nnifsu fil-Vatikan.
L-Italo-Arġentin, kellu x-xorti jgħix it-tliet dabiet li l-Arġentina rebħet it-Tazza tad-Dinja fl-istorja, iżda kien ammetta li fit-tliet darbiet, ma kienx segwa l-finali li fit-tliet darbiet waslet għas-suċċess tat-tim nazzjonali Arġentin f’eri dfferenti.
Darba lill-Papa Franġisku staqsewh, min kien l-aqwa plejer fil-logħba tal-futbol, Maradona jew Lionel Messi (peress li t-tnejn huma Arġentini bħalu). Iżda r-risposta tal-Papa ssorprendiet lil kulħadd.
“Maradona, bħala plejer, kien kbir. Imma bħala raġel, falla,” qal Franġisku, b’referenza għad-deċennji tiegħu jiġġieled kontra l-vizzji tad-droga u l-alkoħol.
Huwa ddeskriva lil Messi bħala “ġentlom”, imma żied jgħid li kien se jagħżel it-tielet wieħed; plejer bl-isem ta’ Pelé, li ddeskrivih bħala “raġel ta’ qalb”.

II-Papa Franġisku jiġi ppreżentant bil-flokk komemorattiv li kien tah bħala rigal, l-eks leġġenda Brażiljana, Pelé. It-tnejn kienu ammiraturi ta’ xulxin iżda ċ-ċirkostanzi ma wasslulhomx biex f’din il-ħajja jiltaqgħu.
interessanti l-fatt li Pelé u l-Papa Franġisku, qatt ma kellhom ix-xorti li jiltaqgħu f’ħajjithom iżda mhux għax ma kienx hemm rispett, altru minn hekk. Fil-21 ta’ Frar, 2014, Pelé kien ta rigal speċjali lill-Papa Franġisku; flokk tat-tim nazzjonali Brażiljan iffirmat mill-mibki Pelé u b’messaġġ: “Għall-Papa Franġisku, b’rispett u ammirazzjoni. Edson Pelé”.
Fil-memoir li l-Papa kien kiteb riċentament mal-ġurnalist Taljan, Fabio Marchese Ragona, il-Papa Franġisku kien qal b’ċajta li kellu waqt laqgħa mal-fenomenu Arġentin, Diego Armando Maradona, fejn fil-mument li ġew biex jieħdu idejn xulxin, il-Papa Franġisku lil Maradona kien qallu, ‘allura liema hi l-id ħatja?’ b’referenza ċara għall-famuż gowl li Maradona kien skorja kontra l-Ingilterra fit-Tazza tad-Dinja tal-1986. Dakinhar, bħala stat ta’ fatt, Maradona kien rebbaħ lill-Arġentina waħdu, b’gowl minnhom li ftit jew qatt ma konna rajna bħalu qabel, u ieħor li qarraq bir-referee u b’kulħadd għax kien messu b’idejh u mhux b’rasu.

Il-Papa Franġisku waqt laqgħa li kellu mal-eks plejer internazzjonali u captain tal-Arġentina, illum mejjet, Diego Armando Maradona.
Il-Papa Franġisku kien tkellem tajjeb dwar Maradona imma dejjem kien skjett saħanistra meta qallu li fl-aqwa tal-karriera tiegħu, hu kien “dawwar lilu nnifsu b’nies li ferħuh imma qatt ma għenuh.”
Tul il-pontifikat tiegħu, Papa Franġisku tkellem kemm-il darba dwar l-importanza tal-isport f’ħajjet il-bniedem u fost il-kwotazzjonijiet l-aktar popolari tiegħu hu kien iddeskriva l-isport bħala lingwa universali li għandha s-saħħa li tippromwovi l-inklussivitá.
//= $special ?>