Pietá Hotspurs temmew l-istaġun 2024/25 fuq nota pożittiva u bir-rebħ ta’ unur meta fit-tieni l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża għat-timijiet taċ-Challenge League, il-BOV Challenge Cup, fil-finali huma ħasdu lil Valletta b’rebħa ta’ 1-0 biex kienu huma li rebħu dan l-unur, fl-ewwel edizzjoni tiegħu.
Valletta, champions taċ-Challenge League u promossi għall-Malta Premier tal-istaġun li ġej, kienu l-favoriti li jirbħu din il-logħba u li jtemmu dan l-istaġun pożittiv bir-rebħ tad-double. Iżda kull finali għandha storja, u dik tal-bieraħ bejn Pietá Hotspurs u Valletta kienet waħda minnhom.
L-iskwadra mmexxija mill-kowċ żagħżugħ, eks captain ta’ Tarxien Rainbows fil-Kampjonat Premier, Manuel Caruana kienet organizzata ferm tul id-90 minuta u jkun inġust jekk wieħed jgħid li l-Hotspurs rebħu dimertu ta’ Valletta. Pietá Hotspurs, tim żagħżugħ u li hu mimli b’talenti żgħar fl-etá, kienu kapaċi jilgħabu bi pjan maħsub li ta l-frott għax wassalhom biex kisbu r-rebħa b’ġowl waħdini li kien skorjat kmieni fit-tieni taqsima, mill-attakkant Kian Leonardi fit-53 minuta.
Valletta għamlu l-għalmu tagħhom wara dan il-gowl biex jiskorjaw il-gowl tad-draw, iżda b’sistema ta’ tliet difensuri ċentrali fuq wara imposta mill-avversarji, għamlitha diffiċli għall-Beltin biex jiskorjaw.
Interessanti l-fatt li l-aħħar rebħa ta’ Pietá Hotspurs kontra Valletta tmur lura għal aktar minn għaxar snin ilu, meta fl-istaġun 20214/15, biż-żewġ timijiet fil-Kampjonat Premier, Pietá Hotspurs, dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Noel Coleiro kienu għelbu lill-Beltin 2-1, nhar it-2 t’Ottubru 2014. Dak in-nhar Valletta kienu qed jirbħu 1-0 iżda b’gowl ta’ Gabriel kważi mas-70 minuta logħob u ieħor deċiżiv, skorjat fid-90 minuta minn Rafael Xavier kien ta rebħa lil Pietá Hotspurs fil-Kampjonat.

Wara l-partita Zean Leonardi, captain ta’ Pietá Hotspurs, kien ippreżentat bit-trofew il-ġdid, li l-MFA ħadet ħsieb li timanifatura apposta għal din il-kompetizzjoni l-ġdida fl-ewwel edizzjoni tagħha. It-trofew hu shield, li nħadem mill-Ingliż Thomas Lyte, li għandu storja diretta mal-futbol Malti għaliex diġa’ kien responsabbli fil-manifattura ta’ trofej ta’ kompetizzjonijiet oħra organizzati mill-MFA.
Leonardi kien ippreżentant b’dan ix-shield mill-Viċi President tal-MFA, l-Avukat Matthew Paris fil-presenza ta’ rappreżentant tal-isponsor, BOV.
//= $special ?>