Sport

Ħamrun SC u Marsaskala Futsal fil-finali tal-Enemed Challenger Cup

Ritratt: Terry Caselli

Se jkunu Ħamrun SC NCMB u Marsascala Futsal li se jikkontestaw il-finali tal-Enemed Challenger Cup hekk kif għelbu lill-avversarji rispettivi tagħhom fis-semifinali.

Ħamrun sabuha ferm faċli li jiksbu l-kwalifikazzjoni minn fuq GZR Birżebbuġa tant li rebħulhom 6-0.
Sebastian David Jimenez u Collin Sammut skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Hamza Harrat u Justin Theuma kabbru l-iskor għall-Ħamruniżi.

Referees kienu Clinton Cassar u Danilo Francalanza.

Mhux l-istess jista’ jingħad għal Marsaskala hekk kif batew ferm sabiex għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 5-4.

Minkejja li kienu minn taħt, iż-żgħażagħ Maltin dawru l-iskor favurihom għal darba darbtejn u baqgħu fil-logħba għalkemm fl-aħħar ikkonċedew il-gowl li ċaħħadhom mill-finali. Min-naħa ta’ Marsaskala, huma jridu jtejbu l-wirja tagħhom jekk iridu jiksbu t-titlu.

Jovica Milijic kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Amir Ashtiyani, Bertram Azzopardi u awtogowl ta’ Xylon Mercieca kienu l-awturi tal-gowls tal-Iskalin.

Aiden Buhagiar, Xylon Mercieca, Andrej Trajkovski u Charles Emeric Coulaud skorjaw il-gowls tas-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena.

Referees kienu Stephen Vella u Marco La Rosa.

Enemed Premier League

Mill-Enemed Premier League, Ta’ Xbiex Futsal u Swieqi United LEC07 spiċċaw fi draw ta’ 4-4.

F’din il-partita bilanċjata, Giancarlo Sammut u Juan David Bautista Conde skorjaw doppjetta kull wieħed għal Ta’ Xbiex, bi Swieqi jirrispondu grazzi għad-doppjetta ta’ Alexander Javier Sanchez Dominguez u gowls oħrajn ta’ Claudio Venuto u Marcelo Ezequiel Alarcon.

Referees kienu Andrea Naudi u Sillah Alhasana.

Marsaskala kienu involuti f’logħba oħra, aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra fejn huma ġew megħluba mill-Universita’ ta’ Malta 6-5.

Joseph Stewart Baquero Gonzalez u Jose Cristian Fernandez skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Steven Camilleri u Mohamed Elamari żiedu aktar gowls għall-Universitarji.

Jovica Milijic skorja tripletta għal Marsaskala li kellhom ukoll lil Jean Noel Azzopardi u Bertram Azzopardi li wkoll sabu x-xibka.

Referees kienu Andrea Naudi u Matthias Buttigieg.