Lokali Qorti

Il-Greċja titlob għal estradizzjoni ta’ Sirjan li kien kundannat 10 snin ħabs mill-Qrati tagħha

Sirjan ta’ 43 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar, reġa’ tressaq il-Qorti din id-darba b’rabta ma’ mandat ta’ arrest Ewropew fejn il-Greċja tridu jiġi estradit minn Malta wara li kkommetta reat f’dan il-pajjiż u nstab ħati u ġie kundannat 10 snin ħabs.

Ali Ahmad kien tressaq il-Qorti ġimgħat ilu fejn il-Pulizija xlietu b’kompliċita f’żewġ serqiet minn banek tal-lottu, waħda f’Birkirkara u l-oħra f’Burmarrad. Huwa kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ Dejan Mrvos, Serb ta’ 45 sena li ġie mixli wkoll, li waqt is-serqiet fil-pussess tiegħu kellu sikkina fuqu u li biha kkaġuna ġrieħi ħfief fuq riċevitur tal-lottu f’Birkirkara. 

B’rabta mal-ewwel każ, Ahmad kien qed jinżamm taħt arrest preventiv il-ħabs. It-Tnejn, is-Sirjan tressaq quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, wara li fl-aħħar ta’ Marzu, l-awtoritatijiet Griegi ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew għaliex xi snin ilu, Ahmad ikkommetta reat fil-Greċja, li għalih instab ħati u ġie kkundannat 10 snin ħabs u mmultat €50,000.

Huwa mifhum li fil-Greċja, ir-raġel instab ħati li għen persuni minn pajjiżi terzi jaħarbu mill-pajjiż.  Huwa kkonferma li huwa l-persuna msemmija fil-mandant ta’ arrest Ewropew, iżda ma tax il-kunsens tiegħu sabiex jiġi estradit lejn il-Greċja.  

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Spiteri filwaqt li l-akkużat dehru għalih l-Avukati Franco Debono u Charles Mercieca.