Il-Gvern irid jiffranka l-flus mill-edukazzjoni; issa qed jixxaħħaħ ukoll mal-istudenti tal-Università li se jkollhom inqas għażla ta’ Study Units
Il-Gvern qed isibha bi tqila jiffinanzja l-edukazzjoni tal-pajjiż u qed ikompli jixxaħħaħ mal-istudenti meta jixxaħħaħ mal-ogħla istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna, fosthom l-Università ta’ Malta. Dan in-nuqqas ta’ investiment serju mill-Gvern fl-Università jkompli jikkonferma li l-Gvern ta’ Robert Abela jsib il-flus għal ħafna affarijiet imma mhux għall-edukazzjoni ta’ wliedna. Tant hu hekk li minħabba problema ta’ finanzi, l-Università ta’ Malta se tispiċċa twaqqaf numru ta’ Study Units.
Waqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem li din hija miżura li għandha l-għan li tirregola n-nefqa tal-fakultajiet, u dan huwa għaqli, ebda deċiżjoni jew miżura ma għandha tillimita l-għażliet għall-istudenti universitarji. Bil-politika tiegħu, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jaħmel proprju dan. Minflok qed jara li din l-istituzzjoni edukattiva tingħata l-aqwa riżorsi biex tkun tista’ taqdi l-funzjoni li għandha, qed jispiċċa jċaħħad lill-istudenti minn għażla ta’ Units.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni l-impenn tiegħu favur l-Università ta’ Malta, isostni li tali deċiżjonijiet għandhom ikunu primarjament motivati minn viżjoni akkademika u mhux minħabba nuqqas ta’ finanzjament min-naħa tal-Gvern.
Il-Ministru tal-Finanzi għandu jara li jinvesti ferm aktar f’dawn l-istituzzjonijiet. Dawn huma l-istituzzjonijiet li jwelldu poplu ħassieb, żgħażagħ intelliġenti u ħaddiema mħarrġa. L-għan ta’ dawn l-istituzzjonijiet mhux li jiġġeneraw il-flus, kif talab minnhom ftit xhur ilu. Dawn huma l-istituzzjonijiet li jsawru l-ġejjieni ta’ pajjiżna.
Minflok ma jindirizza l-problemi veri fl-Università, jiġifieri l-abbużi u l-immaniġjar aħjar tal-fondi allokati waqt li jassigura viżjoni li tinkludi pjan finanzjaru fit-tul, il-Gvern iddeċieda li jillimita l-għażliet u l-opportunitajiet għall-istudenti tal-Università għax ma jridx jinvesti biżżejjed.
B’din id-deċiżjoni, li jitwaqqfu kompletament xi Study Units assenjati lil-letturi każwali, se jkunu qegħdin jintlaqtu wkoll dawk il-fakultajiet li dejjem utilizzaw il-letturi każwali impjegati fuq bażi part-time bi professjonalità u b’integrità, u wkoll fakultajiet oħra li huma evidentament neqsin mill-istaff akkademiku. Dan se jkun qiegħed iċaħħad ukoll lill-fakultajiet mill-possibbiltà li jassenjaw Units lil letturi esperti f’oqsma delikati u speċifiċi u li għandhom ħafna x’jgħaddu lill-Università u lill-istudenti tagħha.
Il-Gvern qed ikompli jikkonferma li l-edukazzjoni mhijiex prijorità għalih. Illum għal din il-politika short-sighted qed iħallas l-istudent. Għada jħallas poplu sħiħ.
Għall-kuntrarju tal-Gvern ta’ Abela, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-edukazzjoni mhijiex spiża imma investiment fil-futur ta’ pajjiżna u b’hekk il-PN jiddeplora kull deċiżjoni li timmina t-tkabbir sħiħ tal-bniedem permezz tat-tagħlim.
Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-Università, lill-istaff u lill-istudenti issa li se tibda l-aħħar parti tas-sena akkademika tagħha.
//= $special ?>