Internazzjonali

Il-Kanada: Elezzjoni federali kruċjali fi żmien ta’ kriżi rari mal-Istati Uniti

Il-Kanadiżi, bħalissa, qed jivvutaw fl-elezzjoni federali bikrija li għandha tiddetermina l-Prim Ministru l-ġdid li se jmexxi lill-Kanada fi żmien partikularment kaotiku u turbulenti.

Dan hu wkoll żmien fejn ir-relazzjonijiet bejn Ottawa u l-Istati Uniti huma karatterizzati bit-tensjoni, tant li l-elezzjoni qed isservi bħala eżerċizzju għall-Kanadiżi biex ‘jesprimu opinjoni’ dwar il-President Amerikan Donald Trump li kemm-il darba qal li l-futur tal-Kanada hu bħala l-51 Stat ta’ pajjiżu.

L-elezzjoni fil-Kanada qed issir ukoll sitt ġimgħat biss wara li Mark Carney ingħata l-ġurament bħala Prim Ministru ‘suċċessur’ ta’ Justin Trudeau; il-Prim Ministru Kanadiż għall-aħħar snin u llum, bħal Carney, hu membru tal-Partit Liberali.

Fil-fatt, il-Partit Liberali, illum immexxi minn Carney, u l-Partit Konservattiv immexxi minn Pierre Poilievre, huma l-protagonisti assoluti ta’ din l-elezzjoni. Huma jinsabu f’taqtigħa missielta għall-poter wara li l-Kanada ilha għal għaxar snin titmexxa mil-Liberali.

L-elezzjoni, fl-istess ħin, qed isservi bħala referendum dwar dawn is-snin ta’ tmexxija mil-Liberali ta’ Trudeau u għalkemm dan il-partit kien tilef ħafna mill-appoġġ fl-aħħar xhur, l-istħarriġ qed juri li dejjem aktar Kanadiżi qed iqisu lil Carney bħala ‘l-aktar kandidat li kapaċi jieqaf lil Donald Trump’. Dan speċjalment fil-kwistjoni tat-tariffi ġodda li l-Gvern Amerikan impona fuq il-Kanada u li mistennija jolqtu ħażin ħafna lill-Kanadiżi fid-diversi strata tas-soċjetà.

L-ewwel riżultati li joħorġu se jkunu preliminarji u jkunu validati fil-ġranet ta’ wara l-elezzjoni – qabel, imbagħad, ikunu pubblikati online.

Intant, ivvutaw rekord ta’ Kanadiżi fil-proċess bikri (early voting) tal-elezzjoni u fost il-konferma li madwar 7.3 miljun kienu diġà tefgħu l-voti tagħhom qabel il-votazzjoni tal-bieraħ.