Lokali

Il-maratona Il-Missjoni Bżonnok tiġbor €337,342

Il-maratona Il-Missjoni Bżonnok, organizzata mill-Fondazzjoni U bejn il-Ġimgħa 25 u l-Ħadd 27 ta’ April, irnexxielha tiġbor is-somma sabiħa ta’ €337,342.

Il-flus miġbura se jmorru b’risq familji u tfal li jgħixu fil-faqar u l-miżerja f’pajjiżi tal-missjoni bħalma huma l-Gwatemala, il-Kenja, l-Indja, it-Tanzanija, l-Etjopja, il-Gambja, il-Pakistan u l-Albanija.

Bħas-soltu l-maratona ħasbet ukoll għall-iskema taċ-Child Sponsors fejn numru kbir ta’ tfal li jgħixu fil-faqar f’pajjiżi li fihom jaħdmu missjunarji Maltin ikunu megħjuna minn individwi jew familji Maltin u Għawdxin għall-ikel, il-kura u l-edukazzjoni tagħhom.

F’kumment li ta fi tmiem il-maratona, il-fundatur u direttur tal-Fondazzjoni U, Dun Ġwann Farrugia, irringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha għall-ġenerożità tagħhom minkejja maratoni televiżivi oħra fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew u minkejja li l-maratona s-Sibt li għadda kellha tkun interrotta għal ħin twil minħabba x-xandira diretta tal-funeral tal-Papa Franġisku mill-Vatikan. Fil-fatt matul din il-maratona xxandru diversi servizzi dwar il-Papa u dwar il-messaġġi tal-pontifikat tiegħu favur l-aktar persuni foqra u vulnerabbli madwar id-dinja.

Għal din l-edizzjoni tal-maratona attendew għal xi ħin il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, u s-Sinjura Sina Bugeja f’isem il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono li kienet tinsab Ruma għall-funeral tal-Papa. Huma wasslu l-appell tagħhom għall-ġenerożità tal-poplu Malti.

Il-maratona, bit-tema QAWMIEN GĦAT-TFAL TAL-MISSJONI, peress li xxandret f’jiem li l-Knisja Kattolika għadha qiegħda tiċċelebra l-qawmien ta’ Kristu mill-mewt, kienet imxandra matul tlett ijiem sħaħ, inkluż b’features matul il-lejl, bis-sehem ta’ diversi preżentaturi, fuq diversi stazzjonijiet lokali tat-tv, fosthom Net Television.