Lokali

Il-Ministru Anton Refalo ma jagħti l-ebda garanzija li l-iljuni se jiġu rilokati

Din hija biss opinjoni tiegħek.

Kienet din ir-risposta li ta lil Net News il-Ministru Anton Refalo meta affaċċjat bil-fatt li l-erba’ ljuni u pantera li ilhom maqfulin mill-bidu tas-sena f’razzett fin-Naxxar jistħoqqlihom li jmorru f’post ta’ riabilitazzjoni.

U meta saqsejna lill-Ministru x’post huwa ġust għal dawn l-annimali, Anton Refalo għażel li jevita anka din il-mistoqsija.

Diversi attivisti ilhom jisħqu li dawn l-annimali mhux posthom magħlquin f’xi razett imma fil-beraħ; fejn hu l-ambjent natuali tagħhom. U fuq kollox fejn hemm veterinarji li jistgħu jieħdu ħsibhom – b’differenza għall-pajjiżna fejn lanqas hawn veterinarji mħarġa biżżejjed għal dawn it-tip ta’ annimali, li jistgħu jiċċekkjaw il-kundizzjoni fiżika tagħhom.

Kien il-programm ‘Vuċi Għall-Annimali’ li erba’ xhur ilu żvela kif erba’ ljuni u pantera kienu maqfulin fin-Naxxar. B’dawn l-attivisti  minn jeddhom isibu santwarji internazzjonali li fihom jistgħu jmorru dawn l-annimali; madanakollu l-Gvern ma pprovdiex l-informazzjoni neċessarja u ma għamilx il-ftehim meħtieġ biex dawn ikunu jistgħu jiġu rilokati.

Turija ċara ta’ kemmm dan il-Gvern mhux vera għandu għall-qalbu l-annimali, kif ukoll ta’ kemm il-Ministeru għad-drittijiet tal-annimali ma jismax il-karba tal-poplu li ftit tal-ġimgħat ilu anka organizza protesta quddiem il-VRD.

Intant, mistoqsi kemm qed jiswew iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizja li hemm ta’ kuljum lejl u nhar għassa ma’ dawn l-iljuni, il-Ministru qal li din mhix responsabbiltà tiegħu filwaqt li ma weġibx jekk dawn hux qed jiġu mill-budget tal-animal welfare.