Il-Parlament Malti sellem lil Papa Franġisku u ddeskrivih bħala Papa li wettaq l-imħabba bil-fatti.
F’din il-kommemorazzjoni tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Il-Parlament għamel ukoll minuta silenzju.
L-Ispeaker qal li meta ltaqa’ mal-Papa kien qallu biex jgħinu billi jitlob għalih u kompla li dan kien Papa li ħalla marka li bil-fatti anki fl-aktar postijiet fqar fl-Arġentina. Hu qal li l-Papa Franġisku kien imur fir-Red Light District kull nhar ta’ Sibt filgħaxija u jipprova jkellem lill-prostituti biex iwassal messaġġ pożittiv.
L-Ispeaker qal li l-Papa Franġsiku ħadem ħafna maż-żgħar u ħalla legat b’saħħtu ħafna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Papa Fanġisku kien Ġiżwita u għażel lil Franġisku; dan wera fejn irid jieħu lill-Knisja Kattolika bħala Knrsja sempliċi u viċin il-fqir, il-minoranzi u l-emarġinati. Hu kompla li l-Papa Franġisku ried jieħu l-Knisja b’messsaġġ favur l-ambjent u li l-bniedem mhuwiex biss magħmul mill-flus iżda wkoll minn dak li jinsab fih u dak li jdawru.

Bernard Grech sostna li Papa Franġisku kien Papa li kien jitkellem b’għemilu u għalhekk l-aktar messaġġ ċar li bagħat lid-dinja kien dak tal-ħniena fejn l-iktar importanti hu dak il-messaġġ li jkun jinħass fil-bniedem. Hu kompla li meta ġie Malta fl-2022, għażel li jżur Birżebbuġa; dan kien simboliku għaliex din hi l-lokalità li tmiss mal-baħar u li fiha seħħ l-inkontru tal-1989 meta intemmet il-gwerra bierda.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Papa Franġisku ħadem u ħabb il-paċi u kien mexxej internazzjonali li ġab flimkien l-akbar ammont ta’ mexxejja minn madwar id-dinja flimkien. Fost dawn kien hemm il-laqgħa bejn il-President Amerikan Trump u l-President Ukren Zelinksy proprju fil-Vatikan fil-funeral tiegħu. Din kienet iż-żerriegħa tat-tama biex isseħħ il-paċi f’dinja aħjar, sostna Bernard Grech, li kompla li l-Papa Franġisku mar hu għand in-nies u ma stenniex lin-nies jiġu għandu. Kien ukoll il-Papa li ta flusu lill-ħabsin bħala ġest ta’ mħabba.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li l-Papa Franġisku ħalla marka li se tibqa’ tinħass. Hu sostna li dan kien Papa li ġie fi żminijiet diffiċli fosthom fil-gwerra fl-Ukranija u l-attakki fuq il-Palestina. Kien Papa li ta sinjali ta’ riformi favur is-sewwa u kien il-vuċi tal-vulnerabbli u l-foqra.
Il-Ministru Ian Borg semma’ ż-żjara li l-Papa Franġisku għamel f’Malta u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u Malta. Dan kien il-Papa li poġġa ‘l fuq fl-aġenda tal-Knijsa l-kwistjonijiet tal-ħaddiema u tal-persuni vulnerabbli fis-soċjetà.
//= $special ?>