Il-Partit Nazzjonalista qed joffri viżjoni ġdida li dan il-pajjiż tant għandu bżonn. Dan b’differenza għal Gvern Laburista li dejjem jibqa’ l-istess jekk mhux saħansitra jmur għall-agħar.
Kien dan li wiegħed il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa Bernard Grech waqt il-programm Net Live, it-Tnejn filgħaxija, fejn spjega l-ħidma kontinwa li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista bi preparazjoni għal Jum il-Ħaddiem, fejn f’Ta Qali l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iwiegħed futur aħjar lil ħaddiem. Dan għax il-Partit Nazzjonalista kien dejjem favur il-ħaddiema u n-negozji.
Mistoqsi dwar l-ewwel reazzjoni fuq l-SME’s barometer, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-effett negativ fuq il-kwalità tal-ħajja kif ukoll l-impatt tal-popolazzjoni fuq l-infrastrutura qed joħroġ dejjem aktar evidenti, prova ta’ dan huwa l-fatt li 70% tas-sidien tan-negozji żgħar u medji jaħsbu li l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni l-ħażina.
Waqt il-programm Net Live, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wkoll kif iż-żjara li kellu fiċ-Ċina kienet waħda pożitiva, fejn kellu l-opportunità jara t-trasformazzjoni li hija possibbli fis-settur tax-xogħol permezz tal-inteliġenza artifiċjali. Dan filwaqt li spjega kif fil-jiem li ġejjin se tkompli l-ħidma tal-Partit Popolari Ewropew sabiex l-Unjoni Ewropea ssir dejjem iktar b’saħħitha. B’din il-ħidma tibda minn għada fi Spanja fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu sehem fil-Kungress tal-EPP.