Lokali

In-nuqqasijiet fl-impjegati u l-ħiliet l-iktar li qed jinkwetaw lin-negozji Maltin

Stħarriġ ieħor miċ-Chamber of SMEs wera li n-nuqqas ta’ impjegati u fil-ħiliet qed ikomplu jippersistu tant li qed iwasslu għal problemi kbar fost in-negozji.

Bl-SMEs qed jinnotaw li l-ħaddiema mhux jingħataw biżżejjed it-taħriġ meħtieġ sabiex jitgħallmu u jtejbu l-ħiliet tagħhom.

Dan l-istħarriġ sar fost 427 persuna fin-negozju wara li sarulhom numru ta’ mistoqsijiet bejn is-7 u t-18 ta’ April ta’ din is-sena.

In-negozjanti qalu li l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja qed tkompli tiżdied tant li dejjem tkun fuq moħħhom biex iżommu n-negozju miexi ‘l quddiem, kif spjegalna Andrew Aquilina.

Dan apparti li anke l-perċezzjoni fuq il-kompetizzjoni inġusta u l-kompetizzjoni eċċessiva qed twassal għal problemi kbar fin-negozji.

Qed tinkwietaw wkoll lin-negozjanti l-inflazzjoni u l-livell ta’ korruzzjoni u nuqqas ta’ governanza tajba.

Dan l-istħarriġ ma setax jeżamina l-effett tat-tariffi li introduċa l-President Amerikan, Donald Trump tant li għadhom iridu jaraw x’se jkunu r-riperkussjonijiet.

L-istudju tal-Kamra tal-SMEs wera wkoll li l-użu tal-AI qed jiżdied fost in-negozjanti għalkemm l-użu ta’ din it-teknoloġija – jekk hux Chatgpt jew programmi iżjed professjonali – għadhom ma daħħlux sew fost in-negozji; apparti n-nuqqas ta’ għarfien dwar l-użu tagħhom.

Quddiem dan l-istħarriġ, il-Kamra tal-SMEs appellat lill-Gvern biex ma jwarrabx ir-rakomandazzjonijiet iżda jindirizzahom illum qabel għada sabiex in-negozji Maltin jirnexxilhom jimxu ‘l quddiem.