Inkjesta maġisterjali dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi kixfet id-deals korrotti fil-proġett tal-Electrogas; deals li jikkonsistu f’miljuni ta’ ewro f’ħasil ta’ flus mill-Ażerbajġan.
Skont it-Times of Malta, l-Inkjesta kkonkludiet li Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Uffiċċju ta’ Joseph Muscat, u Konrad Mizzi, l-eks Ministru tal-Enerġija, ikkofoffaw biex japprofittaw minn kuntratti tal-Gvern dwar l-enerġija. Tant li riedu jaħbu l-qligħ illeċitu tagħhom permezz ta’ pjan sħiħ ta’ ħasil tal-flus fil-Panama u fl-Emirati Għarab Magħquda.
L-investigaturi jemmnu li l-pjan għall-ħasil tal-flus beda f’nofs l-2012, u kompla jirranka hekk kif il-Partit Laburista reġa’ lura fil-Gvern f’Marzu tal-2013. B’esperti finanzjarji kkonkludew li l-kuntratt tal-Gvern ta’ €450 miljun biex tinbena u tibda topera l-power station il-ġdida x’aktarx ingħata lill-konsorzju Electrogas biex jinħoloq fond għal din l-iskema korrotta.
Il-movimenti tal-flus illi kienu ppjanati jorbtu lill-eks esponenti tal-Labour ma’ fondi ġġenerati mill-membri tal-konsorzju Electrogas.
L-investigaturi imxew fuq it-teżi li l-Kumpanija Socar tal-Ażerbajġan kellha tgħaddi flus maħsuba għal Schembri u Mizzi permezz ta’ “magna kumplessa ta’ ħasil tal-flus”.
Invoices foloz, kuntratti ta’ self, u xiri ta’ arti ntużaw biex joħolqu l-illużjoni ta’ tranżazzjonijiet leġittimi u biex jaħbu l-oriġini tal-flus. Il-fondi li ġew mill-operazzjoni ta’ ħasil ta’ flus imbagħad sabu ruħhom għand 17 Black – kumpanija offshore proprjetà tal-eks-direttur tal-Electrogas, Yorgen Fenech.
Minn hemm, il-fondi ġew direzzjonati lejn kumpaniji fil-Panama mwaqqfa bil-moħbi waqt li Schembri u Mizzi kienu fil-Gvern.
It-tentattivi biex jitwaqqfu kontijiet bankarji biex jirċievu flus mill-allegata skema jidhru li ġew imfixkla wara li fl-2016 il-ġurnalist, Daphne Caruana Galizia ħarġet l-eżistenza tal-kumpaniji fil-Panama ta’ Schembri u Mizzi. Mingħajr dawn il-kontijiet bankarji, l-istadju finali tal-proċess tal-ħasil tal-flus, li kien qed iċaqlaq il-flus minn 17 Black għall-kumpaniji tal-Panama, ma setax jiġi konkluż.
Fi Frar li għadda Keith Schembri, Konrad Mizzi u Yorgen Fenech kienu kollha mixlija l-Qorti dwar din l-allegata skema ta’ ħasil ta’ flus.
//= $special ?>