L-għadd taʼ persuni li kienu jgħixu fʼfamilji bi dħul ekwivalizzat nazzjonali taħt il-limitu tar-riskju taʼ faqar (€12,258) kien taʼ 92,690. Bʼhekk, ir-rata taʼ riskju taʼ faqar kienet taʼ 16.8 fil-mija, żieda taʼ 0.2 punti perċentwali meta mqabbla mas-sena taʼ qabel.
Ir-rata tar-riskju tal-faqar (ARP) tfisser l-għadd taʼ nies bi dħul disponibbli ekwivalizzat li jkun taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar (ARPT), li qiegħed 60 fil-mija tad-dħul disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali wara t-trasferimenti soċjali. Għaldaqstant, dawk li wieġbu għall-istudju EU-SILC u li n-NEI tagħhom jaqa’ taħt dan il-limitu jitqiesu li huma f’riskju ta’ faqar.
L-ARPT maħruġ mill-EU-SILC 2024 kien stmat għal €12,258, li huwa 7.9 fil-mija ogħla meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Fuq il-bażi tas-sena tad-dħul 2023, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar li joqogħdu Malta kien stmat għal 92,690 jew 16.8 fil-mija tal-popolazzjoni mistħarrġa.
Ir-rati tal-ARP għall-irġiel u n-nisa tqiesu fid-daqs taʼ 15.6 fil-mija u 18.3 fil-mija rispettivament, tnaqqis taʼ 0.1 punt perċentwali għall-irġiel u żieda taʼ 0.7 punti perċentwali għan-nisa, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Ir-rata tal-ARP fost persuni taħt it-18-il sena kienet ikkalkulata għal 24.1 fil-mija, u żdiedet bi 2.1 punti perċentwali mis-sena ta’ qabel.
Bl-istess mod, meta mqabbla mal-EU-SILC 2023, ir-rata għal dawk li għandhom 65 sena jew aktar żdiedet b’0.7 punti perċentwali għal 29.7 fil-mija. Min-naħa l-oħra, jirriżulta tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali għal persuni ta’ bejn it-18 u l-64 sena, biex b’hekk ir-rata tal-ARP għal dan il-koorti niżlet għal 11.9 fil-mija fl-2024.
Ir-rati ta’ riskju ta’ faqar (ARP) għall-familji bi tfal dipendenti u għall-familji mingħajr tfal dipendenti kienu ta’ 18.1 u 15.9 fil-mija, rispettivament.
Il-membri ta’ familji b’persuna waħda u bi tfal dipendenti kienu nnotati li għandhom aktar ċans li jkunu f’riskju ta’ faqar, bi 43.8 fil-mija tagħhom ikollhom dħul disponibbli ekwivalizzat taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar (ARPT).
Il-membri ta’ unitajiet domestiċi ta’ persuna waħda b’età ta’ 65 sena jew aktar, u membri ta’ unitajiet domestiċi b’żewġ adulti, li tal-anqas wieħed minnhom ikollu 65 sena jew aktar, u mingħajr tfal dipendenti, kienu wkoll aktar fiċ-ċans li jkunu f’riskju ta’ faqar.
Skont dan l-istudju Ewropew, in-nies taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar ma kienx ugwali madwar il-Gżejjer Maltin, bid-distrett tat-Tramuntana jkollu l-akbar sehem ta’ nies f’riskju ta’ faqar. Warajh, ġie d-distrett ta’ Għawdex.
//= $special ?>