Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ħabbar li l-qawwiet tiegħu huma lesti biex jimplimentaw waqfien mill-ġlied temporanju fl-artijiet tal-Ukrajna. Waqfien li jkun effettiv bejn l-għodwa tat-8 ta’ Mejju u l-11 ta’ dan ix-xahar.
Filwaqt li Putin seta’ wasal għal din id-deċiżjoni minħabba l-pressjoni min-naħa tal-Istati Uniti, il-waqfien mill-ġlied għandu jikkoinċiedi maċ-ċelebrazzjonijiet annwali f’Moska waqt l-avveniment li jfakkar it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija – avveniment li ilu jsir mill-aħħar tas-snin Erbgħin fil-kapitali Russa.
Sadanittant, Putin, fi stqarrija, qal li l-waqfien mill-ġlied hu wieħed ibbażat fuq ‘il-kunsiderazzjonijiet umanitarji’ – bl-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, ma tweġibx għall-aħħar żviluppi.
Il-Kremlin f’Moska issa qed iħeġġeġ biex l-Ukreni jsegwu l-eżempju tal-Mexxej Russu li, sa ftit ilu, deher li kien qed jilgħab għall-ħin fost in-negozjati dwar it-tmiem tal-gwerra potenzjali – u meta l-Istati Uniti ta’ Donald Trump, bħalissa, qed taqdi r-rwol ta’ medjatur fin-negozjati.
Fl-istess ħin, ir-Russja għamlitha ċara li lesta twieġeb minnufih għal kwalunkwe abbuż tal-waqfien mill-ġlied min-naħa tal-Ukreni – meta l-komunità internazzjonali qed tittama li t-tlett ijiem speċifiċi, bejn il-5 u t-8 ta’ Mejju, għandhom iservu bħala spinta akbar għall-isforzi lejn il-paċi.
Dan meta l-Kremlin qed jgħid, issa, li hu lest għal taħditiet ta’ paċi mingħajr il-prekundizzjonijiet u bil-ħsieb li jindirizza l-kawża ewlenija tal-kriżi fl-Ukrajna.
Ir-Russja, fl-istess ħin, qed tidher disposta għal ‘interazzjoni aktar kostruttiva mas-sieħba internazzjonali’ – għalkemm l-osservaturi fil-Punent qed jibqgħu xettiċi dwar il-vera intenzjonijiet ta’ Vladimir Putin u l-uffiċjali tal-Kremlin.
Il-Kremlin, aktar kmieni fix-xahar, kien ħabbar waqfien mill-ġlied – effettiv għal 30 siegħa – għal waqt il-‘weekend’ tal-Għid. Iżda filwaqt li r-Russi u l-Ukreni t-tnejn irrappurtaw tnaqqis fil-kumbattimenti, ma naqsux l-akkużi reċiproki dwar ‘mijiet ta’ abbużi’ għall-ftehim inkwistjoni’ li jidher li ma kien ftehim xejn.
Il-qawwiet tar-Russja kienu invadew lill-Ukrajna fit-22 ta’ Frar tal-2022 u fil-preżent qed jokkupaw xi 20 fil-mija tat-territorju Ukren. Territorju li jinkludi l-penisola tal-Krimea li t-truppi Russi u s-separatisti li jissimpatizzaw ma’ Moska kienu ħatfu l-kontroll tagħha f’Marzu tal-2014.
//= $special ?>