Lokali

Mario jagħlaq il-bibien wara 42 sena

Kitba ta' Joe Cassar

F’Tal-Pietà kulħadd jafu u jirreferi għalih bħala Mario.

Imma min illum mar biex bħas-soltu jixtri l-bżonnijiet tiegħu jew biex jagħmillu xi ħobża jew ftira friska biex jeħodha miegħu x-xogħol, sab il-bieb magħluq. Għax Mario, wara preżenza ta’ 42 sena konsekuttivi, iddeċieda li jieqaf u jirtira.

“Ħdimt ħafna hawnhekk, qbiżt l-40 sena minn meta ftaħt u ħassejt li issa wasal żmien il-mistrieħ. Mhux ħa nqum aktar fl-4 ta’ filgħodu biex fil-5.30am inkun hawn.”

Hekk qalli f’kumment qasir li tlabtu hekk kif kien qed jagħmilli l-aħħar ftira mħawra ftit sigħat biss qabel għalaq ix-shutter tal-Mini-Market f’Tal-Pietà għall-aħħar darba.

Mario qalli li f’dawn is-snin kollha li kien ilu miftuħ jaf prattikament lir-residenti kollha f’Tal-Pietà u xtaq jirringrazzja lill-klijenti kollha tiegħu matul dawn is-snin twal. “Illum inħoss li ħwienet bħal tiegħi ftit fadal lok għalihom… għax il-ħuta l-kbira dejjem tibla’ ż-żgħira.”

Meta staqsejtu kif se tkun il-ġurnata mil-lum ’il quddiem Mario qalli li issa se jibda jagħmel dak li dejjem xtaq imma li qatt ma kien ikollu l-ħin għalih, partikolarment id-delizzji tal-mixi u tas-sajd.

F’isem l-impjegati tad-Dar Ċentrali, ħafna minnhom klijenti regolari tiegħu, nawgura lil Mario futur sabiħ fil-mistrieħ li ċertament jistħoqqlu.