minn Ivan Castillo
Shadow Minister għax-Xogħol
F’din il-ġurnata speċjali, irridu nkellmuk direttament – mhux bi kliem vojt, imma b’viżjoni ċara u konkreta li nistgħu nibnuha flimkien: xogħol u ħajja ta’ kwalità.
Xogħol: Il-Valur Miżjud għall-Ħaddiema tagħna
Aħna fil-Partit Nazzjonalista nemmnu f’pajjiż fejn il-ħaddiem għandu futur. U dak il-futur ma jiġix b’kumbinazzjoni. Jeħtieġ investiment, direzzjoni u kura. Aħna rridu noħolqu xogħol ta’ valur miżjud – mhux biss aktar impjiegi, imma impjiegi aħjar, b’kundizzjonijiet diċenti u salarji li jirriflettu l-isforz tiegħek.
Dan jinkludi investiment f’setturi ġodda kif ukoll f’dawk li diġà għandhom potenzjal kbir: bħall-marittimu, il-finanzi, l-iGaming, l-industriji relatati mal-metaverse u l-eSports, l-ekonomija ħadra u Silver Economy.
Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin għandhom bżonn l-għodod u t-taħriġ biex isibu posthom f’dawn l-industriji. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista diġà ħabbar il-pjan tiegħu li jagħmel l-akbar investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema li qatt ra dan il-pajjiż.
Ħajja: Għax Il-Bilanċ Essenzjali
Ix-xogħol importanti. Imma ma għandux ikun kollox. Għandna nibnu kultura ġdida fejn il-ħaddiem jaħdem biex jgħix, mhux jgħix biex jaħdem. Li noħolqu aktar bilanċ imma fl-istess ħin tiżdied il-produtivita b’ħaddiema attrezzati bil-ħiliet li għandhom bżonn għall-pajjiż dan huwa essenzjali.
Hawnhekk ukoll il-Partit Nazzjonalista diġà ppreżenta proposti kuraġġużi – proposti li jindirizzaw l-isfidi reali li qed taffaċċja int u l-familja tiegħek.
Għalhekk qed nipproponu:
■ Leave tal-ġenituri u tal-maternità estiż għal sena sħiħa
■ Appoġġ finanzjarju għal ġenituri
■ Krediti tat-taxxa għal kumpaniji li jinvestu fil-“Remote working”
■ Għajnuna finanzjarja u krediti għal investiment fit-teknoloġija, awtomazzjoni u modernizzazzjoni
Kwalità: Mhux Buzzword imma Wegħda
Il-kelma “kwalità” mhijiex buzzword. Hija wegħda. U biex niżguraw kwalità fil-ħajja tax-xogħol, irridu nindirizzaw sfidi bħall-għoli tal-ħajja, prekarjetà u kundizzjonijiet ta’ fastidju.
Il-PN qed jippromwovi soluzzjonijiet prattiċi:
■ Neħħu t-taxxa mill-COLA
■ Krediti tat-taxxa għal kumpaniji minħabba żieda fl-operational costs
■ Fond nazzjonali għall-ispejjeż marbuta mal-importazzjoni/esportazzjoni
■ Diġa saru żewġ Private Member bills kontra fastidju sesswali u bullying fuq il-post tax-xogħol
Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ħaqqhom aktar minn kliem. Ħaqqhom viżjoni li ssarraf f’azzjoni. U fil-Partit Nazzjonalista, din mhijiex biss viżjoni – hija wegħda.
Jekk irridu Malta li tkun kompetittiva, aktar produttiva ġusta u b’saħħitha ekonomikament, għandna nibdew mill-qalba tan-nazzjon – mill-ħaddiema.
Aħna qed nippreżentaw pjan realistiku, sostenibbli u kuraġġuż: biex ikollna xogħol aħjar, ħajja aktar bilanċjata u kwalità ta’ veru.
Għax int mhux numru. Int valur. Int il-mutur ta’ pajjiżna.
U aħna qegħdin hawn, biex ninvestu fik – għal Malta aħjar, għal ħajja ta’ xogħol u kwalità li tixraqlek.
F’dan il-kuntest ekonomiku u soċjali li qed jinbidel malajr, ma nistgħux nibqgħu nitkellmu dwar xogħol u ħajja ta’ kwalità bħala ideat astratti. Irridu nfasslu politika li tassew tibdel il-ħajja tan-nies għall-aħjar. Il-proposti tagħna jmorru lil hinn minn soluzzjonijiet temporanji – huma pjan fit-tul għall-ġid komuni.
Dan il-pjan jinvolvi kollaborazzjoni konkreta bejn il-Gvern, is-settur privat u l-ħaddiema nfushom. Huwa mument fejn irridu naraw aktar fiduċja bejn il-partijiet kollha involuti fis-suq tax-xogħol. Biex dan iseħħ, jeħtieġ tmexxija li tisma’, li tifhem u li tippjana b’viżjoni wiesgħa u mhux b’reazzjonijiet ta’ mument.
Il-politika tagħna dwar xogħol u ħajja ta’ kwalità hija wkoll risposta għall-fenomenu ta’ burnout li qed jolqot ħafna ħaddiema f’setturi differenti. Għandna ħaddiema li qed jgħaddu minn pressjoni mentali u fiżika kontinwa, li sfortunatament qed iwassal għal tnaqqis fil-produttività, problemi ta’ saħħa mentali u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja.
L-għan tagħna huwa li nipprevjenu dawn il-problemi billi noffru soluzzjonijiet reali: ambjent tax-xogħol aktar flessibbli, aktar appoġġ għal ġenituri li jrabbu tfal, u klima fejn in-nies iħossuhom sigur, rispettati u mħarsin mill-abbuż jew diskriminazzjoni.
Dan kollu mhux biss jagħmel sens mill-perspettiva umana, iżda wkoll mill-perspettiva ekonomika. Pajjiż li jinvesti fil-ħaddiema tiegħu hu pajjiż li jiżgura tkabbir sostenibbli. Pajjiż li jagħti valur lil kull persuna, hu pajjiż li jista’ jattira l-aħjar talent u l-aqwa investiment.
Il-viżjoni tagħna hija wkoll waħda li tħares lejn l-anzjani tagħna – li huma wkoll ħaddiema ta’ qabel u għandhom id-dritt għal kwalità ta’ ħajja xierqa. B’hekk, Silver Economy, jiġifieri l-kontribut tas-settur tas-saħħa, kura u servizzi għall-anzjani, hija wkoll parti essenzjali mill-pjan tagħna. Dan joħloq impjiegi ġodda u jirrispondi għal ħtieġa soċjali ċara li qed tikber mal-età medja tal-popolazzjoni.
Kultura ġdida
Meta nitkellmu dwar xogħol u ħajja ta’ kwalità, qed nitkellmu wkoll dwar kultura ġdida tax-xogħol – li tapprezza aktar l-impatt tan-nies fuq il-post tax-xogħol u mhux biss il-ħin li jqattgħu. Kultura li tirrikonoxxi li produttività ma tfissirx sfruttament, u li bilanċ bejn ħajja u xogħol huwa kruċjali għas-suċċess tal-individwu u tal-ekonomija.
Għalhekk, b’għajnuna diretta lill-ħaddiema u lill-negozji, bil-ħolqien ta’ fondi, krediti tat-taxxa u politika intelliġenti, nistgħu nwasslu mhux biss għal xogħol aħjar, imma għal pajjiż aħjar. Pajjiż fejn inti tħoss li l-isforz tiegħek hu apprezzat u ppremjat, mhux biss bil-kliem imma bl-azzjonijiet.
Dan huwa dak li qed nipproponu bħala Partit Nazzjonalista: politika li tilqa’ għal dak li qed tgħaddi minnu llum, u li tħares lejn għada b’ċertezza u tama. Għax dan il-pajjiż għandu l-potenzjal, u inti għandek l-ħila u d-dritt li tibni futur aħjar. Aħna lesti li nkunu miegħek f’dan il-vjaġġ. Għax nemmnu fik. Għax nemmnu f’Malta.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd, 27 ta’ April, 2025.
//= $special ?>