Lokali

4,000 viżitatur fl-istess ħin fuq Kemmuna min-nhar il-Ħamis

Sistema ġdida dwar kemm se jkunu jistgħu jżuru persuni Kemmuna tispeċifika massimu ta’ 4,000 viżitatur fuq il-gżira fl-istess ħin min-nhar il-Ħamis li ġej.

Din is-sistema tħabbret mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u hi waħda ta’ riservazzjoni online għall-viżitaturi u se tidħol fis-seħħ nhar il-Ħamis bil-għan li tipproteġi l-ambjent tal-Blue Lagoon f’Kemmuna.

Il-bażi tas-sistema l-ġdida hija ‘Ibbukkja, Ipproteġi, gawdi’, fejn individwi jew gruppi li jaslu permezz ta’ bastimenti privati jew kummerċjali u jixtiequ jinżlu l-art fil-Blue Lagoon, ser ikollhom bżonn jagħmlu riservazzjoni minn qabel permezz ta’ sistema online b’xejn fuq is-sit bluelagooncomino.mt.

Il-viżitaturi jistgħu jagħżlu wieħed minn tliet slots kuljum: mit-8 am sal-1 pm, mill-1.30 pm sal-5.30 pm u mis-6 pm sal-10 pm. Dawk li jidħlu fil-post mingħajr awtorizzazzjoni jkunu suġġetti għal multi.

L-MTA nnotat li fis-sajf li għadda, f’ħinijiet ġew irreġistrati sa 12,000 viżitatur fl-istess ħin fil-Blue Lagoon. Bis-sistema l-ġdida, ser ikun hemm massimu ta’ 4,000 viżitatur fl-istess ħin. Matul l-ewwel ġimgħat tas-sistema, uffiċjali fuq il-post ser jipprovdu gwida lill-viżitaturi li għadhom mhumiex familjari mar-riservazzjoni.

Il-Blue Lagoon kienet rat proliferazzjoni ta’ siġġijiet tax-xemx u umbrelel li spiss daħlu f’żoni naturali protetti u ħadu f’idejhom l-ispazji pubbliċi kollha. Fl-2022 u fl-2023, attivisti ta’ Moviment Graffitti niżlu fuq il-gżira biex jipprotestaw, neħħew is-siġġijiet tax-xemx u l-umbrelel, u spiċċaw f’konfronti mal-operaturi u l-pulizija.