Lokali

60 sena mis-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa

Kitba ta' Victor Camilleri

L-iskopijiet ewlenin tal-Kunsill tal-Ewropa huma l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u li l-pajjiżi msieħba jkunu amministrati u gvernati f’atmosfera ta’ rule of law – is-saltna tad-dritt.

Biex pajjiż jikkwalifika għas-sħubija hemm żewġ kriterji: ġeografikament irid ikun Ewropew, u politikament irid ikun immexxi demokratikament. Fil-każ ta’ Malta ma kien hemm l-ebda dubji mill-kredenzjali tagħha iżda xorta waħda kellha tgħaddi mill-proċeduri kollha qabel ma kienet mistiedna formalment biex tissieħeb fil-Kunsill tal-Ewropa.

L-ewwel darba li s-sħubija ta’ Malta kieent diskussa fi strutturi tal-Kunsill tal-Ewropa kien fis-16 ta’ Diċembru 1964 meta l-Kumitat tad-Deputati Ministri, wara li eżamina din is-sħubija, qabel umanimament fil-prinċipju li Malta tissieħeb.

Dak il-Kumitat bagħat Dokument f’dan is-sens lill-Ministri tal-pajjiżi msieħba b’din il-konklużjoni. Bagħat ukoll jgħarraf lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa biex javviċina lill-Gvern ta’ Malta ħalli jibdew in-negozjati dwar id-dettalji rigward is-sħubija.

Fil-laqgħa tal-Assemblea Konsultattiva tal-25 ta’ Jannar 1965 fi Strasburgu, is-sħubija ta’ Malta kienet approvata għal darb’oħra. Din l-Assemblea sejħet ukoll lil Malta biex appena tissieħeb fil-Kunsill tfittex tiffirma l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fis-6 ta’ Marzu, 1965, il-Ministri Ewropej qablu li jsir l-invit formali lil Malta (kopja tiegħu tidher hawn fuq); li Malta jkollha tliet rappreżentanti fl-Assemblea Parlamentari; li l-kontribut ta’ Malta għall-Baġit tal-Kunsill ikun ta’ 41,545 Frank Franċiż (39,796 ewro); u li s-Segretarju Ġenerali jieħu l-passi biex jassigura l-applikazzjoni ta’ Malta.

■ Il-kontribut finanzjarju ta’ Malta għall-Baġit tal-Kunsill tal-Ewropa din is-sena hu ta’ 566,495 ewro.

L-aqwa difiża għad-drittijiet tal-bniedem

Wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-Kunsill tal-Ewropa hu l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem… dejjem, kullimkien, u għal kulħadd.

Biex dan ikun ċar, sa mill-bidu nett, it-tnax-il pajjiz fundaturi fformulaw il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma f’Novembru 1950 u daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Settembru 1953.

Meta Malta sarilha l-invit biex tissieħeb fil-Kunsill tal-Ewropa kienet imħeġġa tiffirma din il-Konvenzjoni, kif fil-fatt għamlet fit-12 ta’ Diċembru 1966. Biex issaħħaħ u twettaq din il-Konvenzjoni, fil-21 ta’ Jannar 1959, il-Kunsill tal-Ewropa stabbilixxa l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-ewwel każ ‘Malti’ quddiem din il-Qorti – li fiha hemm ukoll Imħallef minn pajjiżna u li bħalissa hi l-Imħallef Lorraine Schembri Orland – kien dak ta’ Charles Demicoli, li kien l-editur tal-gazzetta ‘Mhux fl-Interess tal-Poplu’. Hu kien ressaq il-każ kontra l-Gvern ta’ Malta fl-1987 u l-każ inqata’ favur tiegħu fis-27 ta’ Awwissu, 1991.

B’konsegwenza ta’ dik is-sentenza, kellhom jinbidlu ċerti regolamenti tal-Parlament ta’ Malta dwar każi ta’ ‘ksur ta’ privileġġ’ li jitressqu quddiemu. F’dan l-ewwel każ, id-difiża kienet immexxija minn Dottor Giovanni Bonello li, imbagħad, fl-1998 kien inħatar Imħallef ta’ din il-Qorti u dam 12-il sena f’dik il-kariga.

Wirt ‘Nazzjonalista’

Kienu gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista li sieħbu lil Malta mal-aktar organizzazzjonijiet internazzjonali importanti mill-Indipendenza ’l hawn, fosthom, appuntu, il-Kunsill tal-Ewropa.

■ Dawn huma fost l-aktar sħubijiet imwettqa minn gvernijiet Nazzjonalisti:

■ Nazzjonijiet Uniti (1 ta’ Diċembru 1964)

■ Commonwealth (21 ta’ Settembru 1964)

■ Unjoni Ewropea (1 ta’ Mejju 2004)

■ Kunsill tal-Ewropa (29 ta’ April 1965)

■ Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – WHO (1 ta’ Frar 1965)

■ Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol – ILO (4 ta’ Jannar 1965)

■ Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja – FAO (5 ta’ Ottubru 1964)

■ Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – WTO (1 ta’ Jannar 1965)

■ General Agreement of Tariffs & Trade – GATT (17 ta’ Novembru 1964)

■ Fond Monetarju Internazzjonali – IMF (11 ta’ Settembru 1968)

■ Qorti Kriminali Internazzjonali – ICC (29 ta’ Novembru 2002)

■ UNESCO – Organizzazzjoni għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza, u l-Kultura (10 ta’ Frar 1965)

■ UNICEF – organizzazzjoni għall-Emerġenza tat-Tfal (17 ta’ Diċembru 1964)

■ IMO – Organizzazzjoni Marittimu Internazzjonali (1 ta’ Jannar 1966)

■ ICAO – Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (21 ta’ Settembru 1964).

L-ewwel Deputati Maltin fl-Assemblea

Mad-dħul tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa, Malta ngħatat tliet siġġijiet fl-Assemblea Parlamentari. Dawn it-tliet rappreżentanti kellhom ukoll tliet sostituti.

Sa mill-bidu nett kien miftiehem li d-delegazzjoni Maltija tkun magħmula minn żewġ membri tal-Gvern tal-ġurnata – li wieħed minnhom ikun il-kap tad-delegazzjoni Maltija – u wieħed min-naħa tal-Oppożizzjoni.

L-ewwel tliet deputati Maltin fl-Assemblea kienu Joseph Cassar Galea (Kap tad-Delegazzjoni) u George Hyzler min-naħa tal-Gvern, u Dom Mintoff mill-Oppożizzjoni.

Is-sostituti kienu Alfred Bonnici u Philip Saliba għall-Gvern, u Anton Buttigieg għall-Partit Laburista.

Wieħed mid-deputati Maltin li matul l-aħħar 60 sena dam l-aktar membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea kien Guido de Marco li għamel kważi 20 sena.