Lokali

Azzjonijiet industrijali mill-UHM wara li l-Gvern ma wettaqx dak li wiegħed fuq il-ħaddiema tal-kuntratturi

Il-UHM Voice of the Workers se tkun qed tordna azzjonijiet industrijali wara li l-Gvern ma daħħalx fis-seħħ avviż legali biex tieqaf id-diskriminazzjoni ma’ ħaddiema tal-kuntratturi li jagħtu servizz lill-Gvern.

Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella meta kien qed jindirizza l-konferenza annwali fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.

L-Avviż Legali 128 tal-2024 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li għadda, u kien tħabbar f’Ġunju tas-sena li għaddiet. Minkejja li suppost kien hemm sitt xhur li matulhom il-Gvern kellu jipprepara biex din ir-riforma tidħol fis-seħħ bla skossi, l-affarijiet tħallew fuq l-ixkaffa bir-riżultat li minkejja li l-liġi daħlet fis-seħħ fil-bidu tas-sena baqa’ ma nbidel xejn u d-diskriminazzjoni baqgħet sejra.

Il-kwistjoni kollha ddur mal-fatt li fl-aħħar snin ħaddiema tal-kuntrattur kienu qed jispiċċaw jagħmlu l-istess xogħol tal-kollegi tagħhom li jaħdmu mal-Gvern, imma kellhom kundizzjonijiet inferjuri. Is-sena li għaddiet, wara snin twal ta’ pressjoni mill-UHM Voice of the Workers u minn unions oħra l-Gvern kien ħabbar li se jgħaddi liġi biex jindirizza din il-kwistjoni darba għal dejjem. Minkejja li din il-liġi daħlet fis-seħħ, l-affarijiet ma nbidlux fost diżappunt u għadab tal-ħaddiema milquta.

Josef Vella fisser kif il-UHM ilha xhur sħaħ titlob kjarifiki ta’ kif se jimxu l-affarijiet, imma se jkollha tmur għall-azzjonijiet industrijali għax ma kienx reġistrat progress.

Fid-diskors tiegħu tkellem ukoll dwar l-isfruttament ta’ ħaddiema barranin minn pajjiżi barra l-UE. Semma kif il-UHM kienet avviċinata minn ħaddiem li kellu l-parti l-kbira tal-paga tiegħu imnaqqsa tant li spiċċa b’madwar €60 biss f’idejh. Dan it-tnaqqis fil-paga seħħ bl-iskuża li qatgħulu diversi spejjeż – fosthom l-akkomodazzjoni, d-dawl u l-ilma, il-biljetti tal-ajru, u spejjeż oħra relatati ma’ tobba, tilqim u permessi tax-xogħol. Josef Vella sostna kif minkejja li dan hu illegali, affarijiet bħal dawn għadhom qed iseħħu.

Il-Kap Eżekuttiv esprima t-tħassib tiegħu li meta l-UHM ġibdet l-attenzjoni ta’ dawn l-abbużi, l-awtoritajiet qal li jinsabu konxji ta’ dan kollu, daqs li kieku din kienet xi ħaġa normali.

Spiċċajna f’sitwazzjoni fejn uħud minn dawn il-ħaddiema ġew il-UHM biex jitkellmu dwar il-każ tagħhom u ħadu l-okkażjoni li jimlew il-flixkun bl-ilma għax ma kellhom mezzi finanzjarji biex jixtru l-ilma tax-xorb, sostna Josef Vella.

Fil-messaġġ tiegħu tkellem ukoll dwar il-legat li ħalla warajha Papa Franġisku u temm id-diskors b’silta minn tiegħu:

“Ma jeżistux unions mingħajr ħaddiema, iżda ma jeżistux l-anqas ħaddiema ħielsa mingħajr trade union”.