Futbol Sport

FILMAT | “Iġri jgħaddu dawn il-jumejn. Bil-lejl norqod iżda moħħi le,” jgħid il-President ta’ Floriana, Johann Said

Johann Said
Johann Said

Għada l-Erbgħa, Floriana jistgħu jirbħu s-27 kampjonat fl-istorja tal-klabb, u jissuperaw lil Sliema Wanderers fl-ammont ta’ kampjonati mirbuħa ta’ kull żmien.

Il-greens għada se jkunu qed jilagħbu fl-aħħar match day tat-Top Six tal-Closing Round tal-Malta Premier kontra Birkirkara, u d-destin tagħhom jekk jirbħux it-titlu ta’ champions għada jew le, f’dan l-istadju jiddependi minnhom.

Dan għaliex kif inhi l-klassifika attwalment, b’rebħa kontra l-Istripes, Floriana jkunu rebħu t-tieni fażi tal-Malta Premier, il-Closing Round u b’hekk jirrepetu s-suċċess tagħhom stess aktar kmieni f’dan l-istaġun, meta b’format ġdid tal-Kampjonat, li qed ikun bil-wisq ikkritikat mill-maġġoranza, huma kienu rebħu l-Opening Round.

F’każ li l-istess tim fl-istess staġun jirbaħ iż-żewġ rawnds rispettivi, ma jkunx hemm bżonn ta’ play-off jew decider iżda jkun dikjarat champions tal-Malta Premier. Dan jista’ jkun ix-xenarju ta’ Floriana għada filgħaxija, u li kull partitarju ta’ Floriana qed jittama li jgħix biex jevitaw li jisfurzaw il-play-offs, b’riskju li jistgħu jitilfu kollox f’dak l-istadju.

Johann Said, President ta’ Floriana

Waqt intervista estensiva u esklussiva li l-President ta’ Floriana, Johann Said, ta lil Replay ilbieraħ filgħaxija, għall-podcast tal-programm li jixxandar esklussivament fuq il-midja soċjali, Said esprima t-tama tiegħu li għada Floriana jtemmu l-inċertezza għal min se jirbaħ dan il-Kampjonat, u kontra Birkirkara jiksbu t-tliet punti.

Viżibbilment anzjuz u ħerqan biex jara li kollox jgħaddi kif mixtieq minhu u mill-partitarji ta’ Floriana, Said qal lil Christian Micallef li wara li nhar il-Ħadd, Floriana rebħu kontra Mosta u telgħu l-ewwel fil-klassifika flimkien ma’ Marsaxlokk, iżda għandhom vantaġġ fuq ix-Xlukkajri minħabba li r-regola tal-konfront dirett taġevola lilhom, issa qed jaħseb biss biex dawn il-jumejn ta’ stennija jgħaddu malajr.

Said stqar ukoll li “bil-lejl norqod iżda moħħi le.”

Sabiex tara l-intervista kollha li Said ta lill-producer u preżentatur ta’ Replay, Christian Micallef f’dan il-podcast ‘Replay Ikompli’ agħfas hawn.