Lokali

“Għall-PN, il-passaport Malti għandu valur u mhux prezz” – PN

Sentenza tal-Qorti Ewropea tikkonferma li l-Gvern irriduċa ċ-ċittadinanza Maltija – u allura anke dik Ewropea – għal “sempliċi tranżazzjoni kummerċjali”

F’stqarrija minn Darren Carabott Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Għall-Partit Nazzjonalista, saħaq fuq kif iċ-ċittadinanza hi aktar minn status legali bi prezz – iżda hi rabta ta’ lealtà, responsabbiltà u rabta ta’ għan komuni bejn l-individwi li għandhom il-privileġġ li jissejħu Maltin.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li llum għamlet dak li l-Gvern Laburista naqas milli jagħmel f’dawn is-snin kollha: ipproteġiet il-valur u t-tifsira taċ-ċittadinanza Maltija.

Fis-sentenza storika tagħha, il-Qorti Ewropea dalgħodu ddikjarat li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti mill-Gvern Laburista tmur kontra l-liġijiet Ewropej u li l-akkwist tan-nazzjonalità ġie ridott għal “sempliċi tranżazzjoni kummerċjali”. Tgħid ċar u tond li l-kisba taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma tistax tirriżula minn tranżazzjoni kummerċjali.

Kompliet ukoll li Stat Membru ma jistax ibigħ in-nazzjonalità tiegħu — u, għalhekk iċ-ċittadinanza Ewropea — bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel. Dan imur kontra l-fiduċja reċiproka li teżisti bejn l-Istati Membri tal-UE u għalhekk jikser il-prinċipju ta’ koperazzjoni leali.

Din hija deċiżjoni finali li torbot lill-Gvern Malti.

Fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern Laburista biex immedjatament:

1.   Jissospendi l-programm tal-IIP kif inhu bħalissa;

2.   Iniedi skeda bi pjan ċar dwar l-emendi li se jdaħħal fil-liġi Maltija biex jattwa dak li ġie deċiż mill-Qorti Ewropea;

3.   Jiddikjara pubblikament li qed jilqa’ b’mod sħiħ dak li ġie deċiż f’ġieħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.


Il-Partit Nazzjonalista jippretendi wkoll li l-Gvern Laburista jieqaf bil-kampanja ta’ miżinformazzjoni dwar il-bejgħ tal-passaporti.

Issa huwa l-mument opportun li nimxu ’l quddiem u nwarrbu l-istqarrijiet tal-passat u l-propaganda partiġjana li ġiet adottata f’dawn l-aħħar snin mill-Gvern.

Il-Gvern Laburista għandu jiffoka fuq dak li tassew jimporta: l-aħjar interessi tal-pajjiż u r-responsabbiltajiet tiegħu bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa mument ta’ għaqda nazzjonali, fejn il-Gvern għandu jirrikonoxxi li kien żbaljat, ikun trasparenti u jaħdem biex jerġa’ jnaddaf isem Malta.

Dak li ntqal ilbieraħ mill-Prim Ministru Robert Abela – li jidher li kien qed ibassar l-eżitu tas-sentenza tal-Qorti Ewropea li llum ikkundannatu – huwa deplorabbli għall-aħħar, għaliex l-unika ħsara li saret lil isem pajjiżna permezz ta’ din is-sentenza kien kaġun tal-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza li ħoloq il-Gvern Laburista stess, u xejn aktar.

Għall-PN, il-passaport Malti għandu valur u mhux prezz. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jara li ċ-ċittadinanza Maltija tingħata biss jekk ikun hemm rabta ċara ma’ pajjiżna – rabta ta’ lealtà, responsabbiltà u ta’ għan komuni bejn l-individwi li jingħtaw il-passaport Malti. Dan flimkien ma’ investiment attiv, maġġuri u fit-tul fis-setturi ekonomiċi ta’ prijorità għal pajjiżna.