Għawdex Lokali

Ħsarat fir-Rotunda tax-Xewkija wara maltempata f’Għawdex

Ħadd ma weġġa’ meta fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, maltempata qalila laqtet il-gżira ta’ Għawdex – partikolarment l-inħawi tax-Xewkija.

Kaġun ta’ dan il-maltemp, waħda mil-lanterni tal-knisja tax-Xewkija ġarrbet ħsarat sostanzjali, hekk kif jirriżulta li intlaqtet minn sajjetta. Din il-lanterna tinsab eżatt fuq il-kampnar, fin-naħa ta’ wara tar-Rotunda.

Fil-post inġabru mal-ewwel ammont kbir ta’ persuni, fost kommossjoni kbira wara li raw b’għajnejhom it-tifrik f’nofs ta’ triq.

Iz-zona madwar il-knisja ġiet magħluqa kompletament biex titħares is-sigurtà tan-nies, filwaqt li l-parroċċa qed tieħu l-passi neċessarji.

Din ir-Rotunda tax-Xewkija kienet tlestiet fil-bidu tas-Sebgħinijiet, u hija binja imponenti li tidher minn diversi bnadi tal-gżira.