“Il-Gvern ta’ Robert Abela jeħtieġ li jissospendi minnufih l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għall-ġid ta’ pajjiżna.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’reazzjoni għas-sentenza li ħarġet it-Tlieta filgħodu fil-Qorti Ewropea dan hekk kif ikkundannat il-bejgħ taċ-ċittadinanza.
F’kumment ma’ Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għall-Partit Nazzjonalista, il-passaport Malti għandu valur u mhux prezz. Dan filwaqt li aċċenna li permezz ta’ din l-iskema Robert Abela kompla juri li m’għandux viżjoni għal pajjiżna.
Bernard Grech qal li b’din l-iskema wieħed kien qed jakkwista kemm iċ-ċittadinanza Maltija kif ukoll iċ-ċittadinanza Ewropea li toffri ħafna drittjiet. Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista ilu għal diversi snin jappella lill-Gvern Laburista sabiex jissospendi skema – skema li matul is-snin ħalliet impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li ċ-ċittadinanza Maltija tingħata biss jekk ikun hemm rabta ċara ma’ pajjiżna – rabta ta’ lealtà, responsabbiltà u ta’ għan komuni bejn l-individwi li jingħtaw il-passaport Malti.
//= $special ?>