Internazzjonali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jasal f’Valenzja fejn se jkun qed jindirizza l-Kungress tal-EPP

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wasal f’Valenzja, fi Spanja, fejn se jkun qed jagħmel l-intervent tiegħu fil-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew flimkien ma’ diversi kapijiet oħra tal-partiti fl-Oppożizzjoni.

L-intervent tiegħu mistenni jibda għall-ħabta tal-16:45. Fost oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista mistenni jitkellem dwar il-viżjoni ta’ eċċellenza tal-Partit Nazzjonalista bbażati fuq: Xogħol, Ħajja u Kwalità. Dan filwaqt li matul il-jum se jkun qed jipparteċipa f’diversi laqgħat bilaterali.

Il-Kungress tal-EPP ta’ din is-sena se jkun qed jiffoka fuq il-kisbiet tal-Unjoni Ewropea matul is-sena li għaddiet. Dan filwaqt li l-Prim Ministri, Kapijiet tal-Istat u Kapijiet tal-Oppożizzjoni se jiddiskutu temi kruċjali bħall-gwerra tar-Russja fuq l-Ukrajna, iż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll iż-żieda fil-popolarità tal-popoliżmu l-estremiżmu.

Intant, matul dan il-Kungress Ewropew il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun akkumpanja mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea u x-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami fost oħrajn.