Lokali

Il-Moviment Graffitti jikkundanna bil-qawwa l-attentati biex jissikket leħen il-poplu dwar Villa Rosa

Il-Moviment Graffitti kkundanna bil-qawwa l-attentati biex jissikket leħen il-poplu dwar Villa Rosa.

Il-Moviment Graffitti qal li Illum, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ħarġet ir-reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa, li jakkomoda l-proġett mostruż tal-iżviluppatur ‘Tal-Franċiz’, flimkien ma’ rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

Graffitti qalu li li dalwaqt se joħorġu risposta dettaljata rigward din ir-reviżjoni oxxena tal-Pjan Lokali — li b’mod ċar saret biex tibbenefika lil min hu ultrasinjur għad-detriment tar-residenti u l-ambjent — u jridu minnufih nesprimu x-xokk tagħhom għas-sovverżjoni ċara tal-proċess demokratiku. Il-PA elenkat aktar minn 4,000 persuna bħala li kienu bagħtu risposti favur ir-reviżjoni, meta fil-verità, il-maġġoranza assoluta kienet kontra.

Il-Moviment Graffitti kompla li kien iffaċilita l-proċess ta’ sottomissjoni ta’ oġġezzjonijiet lill-PA billi pprovda pjattaforma online li permezz tagħha n-nies setgħu jibagħtu l-emails tagħhom. Aktar minn 3,000 sottomissjoni ntbagħtu permezz ta’ din il-formola kontra l-proġett. Din il-formola online kellha live counter li kien qed juri kemm oġġezzjonaw nies, u sa tmiem il-proċess, kienu ġew sottomessi 3,047 oġġezzjoni permezz tal-formola.

Madanakollu, fid-dokumentazzjoni tal-PA, qed jiġu rikonoxxuti biss ftit għexieren minn dawn is-sottomissjonijiet. B’kuntrast għal dan, il-PA qed telenka aktar minn 4,000 persuna bħala li ssottomew dikjarazzjonijiet favur ir-reviżjoni tal-Pjan Lokali.

B’mod allarmanti għall-aħħar, mijiet ta’ individwi li kienu ssottomettew oġġezzjoni permezz tal-formola online tagħna, ġew imniżżla bħala li bagħtu dikjarazzjoni favur ir-reviżjoni ta’ Villa Rosa fil-lista pprovduta mill-PA.

Huwa importanti jkun innotat li meta l-proċess ta’ konsultazzjoni kien għadu kemm intemm — u qabel ma ġie ppubblikat ir-rapport tal-konsultazzjoni — l-iżviluppatur iddikjara pubblikament li aktar minn 4,000 persuna kienu appoġġjaw il-proġett.

Graffitti staqsew kif seta’ jkun jaf dan in-numru l-iżviluppatur, meta l-emails intbagħtu direttament lill-PA, u meta ma ġiet ipprovduta ebda sistema ta’ traċċar tas-sottomissjonijiet — bħal dik offruta minn Moviment Graffitti — mill-iżviluppatur.

Dan jista’ jiġi spjegat b’żewġ modi possibbli biss: jew dawk li għandhom interessi diretti fir-reviżjoni tal-Pjan Lokali ssottomew dejta falza lill-PA biex jiffabbrikaw l-appoġġ — jew inkella l-PA qiegħda deliberatament timmanipula d-dejta tagħha f’kollużjoni mal-iżviluppatur, sostnew Graffitti.

Huma appellaw b’urġenza lill-PA biex tħassar dan il-proċess farsa u biex dawk responsabbli għal din il-manipulazzjoni tal-mistħija jinżammu responsabbli. Minkejja dawn l-azzjonijiet ddisprati, xejn ma jista’ jħassar ir-rabja kbira tal-poplu kontra l-poter bla kontroll tal-iżviluppaturi u l-monument tar-regħba tal-iżviluppatur ‘Tal-Franċiż’, sostnew Graffitti.