Futbol Sport

It-tim tal-futbol tan-nisa ta’ Mtarfa, maħsud bil-mewt tal-gowlkiper tagħhom fl-etá ta’ 19-il sena

Toyha Mangani
Toyha Mangani

Il-klabb tat-tim tan-nisa ta’ Mtarfa FC jinsab maħsud bit-telfa ta’ waħda mill-plejers tagħhom, Toyha Mangani fl-etá ta’ 19-il sena.

F’post fuq il-paġna ta’ Facebook tal-klabb, sħab Toyha fissru lil din it-tfajla bħala “dilettanta u passjonata tal-futbol li lagħbet mat-tim tan-nisa tal-Imtarfa. Hi kellha mħabba kbira għal-logħba, speċjalment għar-rwol ta’ gowlkiper.”

Diversi mill-plejers u ħbieb ta’ Toyha, fl-aħħar sigħat ħallew messaġġi ta’ kondoljanzi għall-familjari tat-tfajla u sellmu lil Toyha. Fost dawk li ħallew messaġġi sbieħ u li jmissu l-qlub f’mument bħal dan, kien hemm dak tal-kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Mtarfa, Simon Spiteri.

Hu qal, “Toyha, jalla t-tajjeb li ġibt f’din id-dinja jkompli jiddi aktar fis-sema. Nitlob li Alla jżomm lill-ġenituri tiegħek qrib tagħhom u jfarraġhom matul dan iż-żmien diffiċli ħafna. Jekk jogħġbok żomm idejk kollha mħabba fuqhom u ggwidahom bl-ispirtu tiegħek. Int dejjem tibqa’ l-gowlkiper numru wieħed tagħna f’qalbna u fil-memorji tagħna.”