Lokali Parlament

Jeħtieġ li l-pajjiż ikollu garanzija ta’ ikel f’każ ta’ kriżi

Toni Bezzina, PN

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina enfasizza fil-Parlament li jeħtieġ li l-pajjiż ikollu garanzija ta’ ikel f’każ ta’ kriżi.

Toni Bezzina qal li permezz tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel se jinġabru awtoritajiet u dipartimenti taħt awtorità waħda għaliex l-isparpaljar ta’ funzjonijiet ħoloq diżorganizzazzjoni sħiħa.

Il-gvern ħalla 12-il sena biex titneħħa din il-konfuża b’detriment għall-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda. L-iskop tat-twaqqif tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel hu wieħed ta’ benefiċċju iżda l-gvern m’għandux ideat dwar kif se jsolvi l-problemi fir-rigward tal-provvista tal-ikel. Dan ħareġ waqt il-COVID u anki fl-invażjoni Russa fl-Ukrajna.

Wara l-COVID kien ċar li f’każ ta’ kriżi, il-poplu seta’ spiċċa f’sitwazzjoni li jbati l-ġuħ. Il-gvern m’għamel xejn u ċċaqlaq biss meta l-Amerika bdiet timponi t-tariffi. Il-PN kien ilu jinsisti fuq strateġija nazzjonali dwar il-provvista tal-ikel iżda flok il-gvern implimenta idea tajba tal-Oppożizzjoni, kaxkar saqajh u m’għamel xejn.

Toni Bezzina enfasizza l-importanza ta’ qligħ ġust għas-sajjieda, raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin u poġġa dan fil-kuntest ta’ kemm għandu jkun hawn nies f’dawn is-setturi. Hu tkellem dwar l-importanza ta’ investiment f’diversi setturi, fosthom l-ilma tat-tieni klassi, għall-bdiewa.

Jeħtieġ li jkun hemm ukoll soluzzjonijiet dwar l-art agrikola u li din tmur għand bdiewa ġenwini flok tmur għall-passatemp. Hu semma’ l-każ Tal-Bebbux fiż-Żurrieq fejn art agrikola tal-gvern se tingħata lill-iżviluppaturi għall-bini.

Hu appella biex isir reġistru tal-art agrikola biex din tingħata lill-bdiewa biex jissaħħaħ is-settur u titnaqqas l-importanza tal-mgħalef. Jeħtieġ li l-gvern jinvesti f’iktar art li m’għadhiex agrikola biex din terġa’ ssir agrikola. Hu semma’ każ ta’ art agrikola fis-Siġġiewi li ngħatat għall-passatemp flok għall-agrikoltura.

Toni Bezzina appella biex anki s-sajjieda jingħataw l-għajnuna neċessarja u biex membri tal-Bord tal-Awtorità jkunu ġejjin mis-settur.