Lejlet l-aħħar match day tal-Closing Round, fejn għada possibilment jista’ jintrebaħ il-Malta Premier fl-eventwalitá li Floriana jiksbu t-tliet punti kontra Birkirkara, illum l-organiżżaturi tal-Kampjonat, il-Kampjonat Ltd ħabbru li l-plejers taċ-champions fl-aħħar ta’ dan il-Kampjonat, se jkunu qed jingħataw għall-ewwel darba ċrieket kommemorattivi li l-istess MPL qed isejħilhom bħala ‘ikoniċi’.
Dawn iċ-ċrieket m’humiex se jieħdu post il-midalja tradizzjonali li sal-lum l-MFA dejjem tat lil kull plejer li jkun rebaħ il-Kampjonat, iżda se tkun tifkira addizzjonali lill-plejers taċ-champions prospettivi.
Fi stqarrija fuq Facebook, l-MPL qalet li “għall-ewwel darba fl-isports lokali, dawn iċ-ċrieket esklussivi jimmarkaw tradizzjoni ġdida għar-rebbieħa tal-Kampjonat.”
Ta bilħaqq li din hi tradizzjoni ġdida, mhux biss għal Malta iżda għall-futbol inġenerali, inkluż dak mhux Ewropew. Bl-istess mod li minn dan l-istaġun għadna format ta’ Kampjonat uniku, li wara staġun jintlagħab kompla jżid il-kritika mill-maġġoranza tal-partitarji, plejers u kowċis tad-diversi timijiet rispettivi, issa se jkolna ukoll xi oħra unika abbinata mal-Malta Premier; l-ogħti ta’ ċrieket kommemorattivi lill-plejers taċ-champions.
Jekk din taf tkun tradizzjoni ġdida u forsi tajba, bħala stat ta’ fatt, ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa u possibilment fil-bqija tad-dinja, qatt ma introduċija fil-presentazzjoni li ssir lill-plejers tal-futbol. Madankollu l-ogħti ta’ ċrieket kommemorattivi, m’huwiex kunċett ġdid fl-isport, għalkemm xorta waħda rari.
Minn riċerka bażika li wieħed jista’ jagħmel dwar l-għoti ta’ dawn iċ-ċrieket kommemorattivi, wieħed malajr jiskopri li dan il-kunċett hu tipikament assoċjat mal-kampjonati sportivi fl-Amerika ta’ Fuq li m’humiex tal-futbol.
L-għoti ta’ dawn iċ-ċrieket hi abbinanta ma’ Kampjonati oħra sportivi fl-Istati Uniti, fosthom il-famuż NFL, bil-plejers rebbieħa tas-Super Bowl, ikunu mogħtija ċurkett kommemorattiv kull wieħed.
Jista’ jagħti l-każ ukoll li ċrieket simili jingħataw ukoll f’xi sports oħra, wara li l-plejers ta’ tim rebbieħ ikunu rebħu l-Kampjonat, madankollu l-kultura li dawn iċ-ċrieket jingħataw lill-plejers tal-futbol, tidher li se tkun l-ewwel darba li se tiġri fid-dinja kalċistika peress li l-parttika komuni ta’ kull Kampjonat madwar id-dinja hi li l-plejers ikunu ppreżentanti b’midalja kommemorattiva.
It-tħabbira tal-għoti ta’ dawn iċ-ċrieket lill-plejers taċ-champions Maltin ġabet kritika minn bosta partitarji lokali, b’ħafna saħansitra spiċċaw jirredikolaw din l-idea u jistaqsu x’sens fiha li l-MPL għażlet li tagħmel hekk. Oħrajn saħansitra staqsew min ħareġ b’din l-idea, u xi skop għandu.
Irrelevanti mill-kritika, u jekk wieħed jaqbel jew ma jaqbilx ma’ l-għoti ta’ dawn iċ-ċrieket, issa nistgħu ngħidu tassew li dan l-ewwel staġun b’format uniku għall-futbol Ewropew, u li l-maġġoranza għadhom qed jippruvaw jifhmu, baqa’ sal-aħħar ikun uniku u esklussiv, issa permezz ta’ dawn iċ-ċrieket.
Dan biex ma nsemmux fatt ieħor li sal-lum ħadd għadu ma jaf xejn dwaru, issa li wasalna fit-tmiem tal-Malta Premier, ċioé min hu, x’suppost jagħmel bħala servizz ta’ xogħol u fl-liema tip ta’ suq kummerċjali joper l-isponsor uffiċjali ta’ dan il-Kampjonat, 360 Sports.
Sal-lum, dwar din il-kumpanija nafu biss b’ċertezza li s-sidien tagħha huma mill-Ażerbajġan.
//= $special ?>