Internazzjonali

L-elezzjoni fil-Kanada: Carney rikeb fuq il-mewġa ‘anti-Trump’ biex jaċċerta mir-rebħa

Il-Prim Ministru, Mark Carney,li hu wkoll Kap tal-Partit Liberali, rikeb fuq mewġa ta’ sentiment nazzjonali biex rebaħ b’mod konvinċenti l-elezzjoni federali tal-Kanada….Elezzjoni li, fost oħrajn, irriflettiet ir-rieda tal-Kanadiżi li jsostnu l-identità tagħhom bħala poplu, huma u jwasslu messaġġ ieħor ta’ protesta għat-tariffi kbar li l-President tal-istati Uniti Donald Trump irid jimponi fuq pajjiżhom.

Ir-riżultat ifisser anki ‘comeback’ mill-aqwa għal-Liberali taċ-ċentru-xellug meta huma, sa ftit xhur ilu, kienu qed jaqtgħu lura fl-appoġġ wara għaxar snin ta’ governanza.

Intant, il-politika ġdida — kważi ostili — ta’ Washington fil-konfront tal-Kanada tidher li galvanizzat lill-Kanadiżi biex jagħtu l-fiduċja tagħhom lil Carney, eks-Chairman tal-Bank tal-Ingilterra, Huma jarawh bħala l-aktar politiku bil-kwalitajiet neċessarji biex imexxi pajjiżu minn żmien turbulenti ħafna minn aspett ekonomiku.

Fil-fatt, Mark Carney, dritt wara l-konferma tar-rebħa, għamel diskors f’Ottawa fejn mal-ewwel attakka lil Donald Trump bħala ‘il-Mexxej Amerikan li jrid ikisser lill-Kanadiżi biex, mingħalih, jagħmilhom proprjetà tiegħu’.

Carney sostna li x-xewqa ta’ Trump qatt mhi se tkun irrealizzata fost l-applawż kbir tal-partitarji liberali. Hu, fl-istess ħin, impenja ruħu biex il-Kanada ssir aktar b’saħħitha minn qabel u fejn  għamilha ċara wkoll li r-relazzjoni speċjali li pajjiżu kienu ilu jgawdi għal daqs snin mal-Istati Uniti issa spiċċat.

Sadanittant, kien għadu mhux magħruf jekk Carney hux se jikseb maġġoranza fil-Parlament u f’każ li jfalli minn dan it-tragward, hu ikollu jiddependi minn partiti oħrajn biex jamministra lill-Kanada fix-xhur li ġejjin.

Sadanittant, l-elezzjoni kienet diżastruża għall-Kap Konservattiv Pierre Poilievre, ir-rivali dirett ta’ Carney u li sa ftit ġimgħat ilu, kien mistenni jsir Prim Ministru tal-Kanada….Dan meta l-aħħar indikazzjonijiet kienu qed juru li Poilievre anki kapaċi jitlef is-siġġu tiegħu fl-Assemblea ta’ Ottawa.

Sa tlett xhur ilu biss kien qed jidher kważi ċert li l-Partit Liberali kellu jitlef sew din l-elezzjoni bikrija.

Iżda l-folja nqalbet dritt wara li Carney laħaq minflok l-eks Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, bħala Mexxej tal-pajjiż –bil-President Trump jaqleb ta’ taħt fuq ir-relazzjonjiet bilaterali, b’mod li biddel b’mod irreparabbli s-sentimenti tal-Kanadiżi għall-Gvern Amerikan….Issue li spiċċat bħala element integru ta’ din il-votazzjoni kruċjali.