Sport Sport Ieħor

L-iskeda ta’ logħob mill-Open ta’ Madrid titwaqqaf kawża tal-qtugħ tad-dawl fi Spanja u l-Portugall

Ġurnalist sportiv li kien qed isegwi l-Open ta' Madrid jaħdem fid-dlam wara l-qtugh tad-dawl
Ġurnalist sportiv li kien qed isegwi l-Open ta' Madrid jaħdem fid-dlam wara l-qtugh tad-dawl

L-Open ta’ Madrid, it-turnament tat-Tennis li beda jintlagħab minn nhar it-Tnejn 21 ta’ April, ilbieraħ kellu jieqaf ħesrem u bla mistenni minħabba qtugħ tad-dawl f’partijiet kbar ta’ Spanja u l-Portugall.

Dan il-qtugħ kbir tad-dawl ġie rrappurtat f’partijiet kbar ta’ Spanja u l-Portugall, inklużi l-kapitali ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi rispettivi, Madrid u Lisbona.

L-Open ta’ Madrid, hu wieħed mit-turnaments ATP Masters 1000 tal-ATP Tour u wieħed mill-avvenimenti fil-kalendarju tat-Tennis dinji tal-WTA Tour.

Il-Britanniku Jacob Fearnley kellu joħroġ mill-court hekk kif il-logħba tiegħu kellha tieqaf u ġiet ikkanċelleta matul il-ġurnata tal-bieraħ it-Tnejn, kawża tal-qtugh tad-dawl.

It-tielet rawnd bejn Fearnley u Grigor Dimitrov kien laħaq stadju kritiku, fejn Fearnley kien qed jilgħab fl-aqwa tiegħu wara bidu tajjeb mill-avversarju. Madankollu r-rimonta ta’ Fearnley kienet imwaqqfa minn qtugħ fil-provista tal-elettriku fiz-zona fejn kienet qed tintlagħab din il-logħba, u li affettwat l-iskorbords u l-camera ta’ fuq il-court.

Wieħed mill-courts li qed jintuża’ waqt l-Open ta’ Madrid, Manolo Santana Court.

Il-pożizzjoni tal-kamera meta mar id-dawl, fisser li l-logħba ma setgħetx tkompli. Sfortunatament anke l-‘calling systems’ ġew affettwati wkoll mill-qtugħ tad-dawl, b’rapporti fil-midja internazzjonali qalu li f’dak il-ħin kulħadd spiċċa fid-dlam.

Il-ġurnalista Britannika ta’ Sky Sports, li hi magħrufa l-aktar għall-kummentarji televiżivi tagħha tat-Tennis, Gigi Salmon qalet li “għaddejt minn ħdejn ir-ristorant tal-plejers u dawn kienu qed jieklu bid-dawl tax-xemgħat.”