Prestazzjoni ferm tajba fis-Singles tal-irgiel rat lil Anastasi jkollu s-sitt logħbiet kollha ‘l fuq minn 200, b’total ta’ 1351 għal medja qawwijja ta ‘ 225.
Wara bidu tajjeb b’żewġ logħbiet identiċi ta’ 205, Mauro spara 247 u 267 biex tela’ għat-3 post wara 4 logħbiet. L-aħħar żewġ logħbiet ta’ 222 u 205 rawh jaqbeż lil Cemal Batu Pinear mit-Turkija li spiċċa 4 pins wara Mauro.
L-ewwel post mar għaċ-Ċiprijott Iraklis Kyriakou b’total inkredibbli ta’ 1509 (medja ta’ 251) li kien jinkludi logħba perfetta ta’ 300. It-tieni kontestant Malti fil-Male singles, Nicholas Muscat, ukoll kellu wirja tajba ħafna, fejn temm b’partita kbira ta’ 249 fl-aħħar logħba li rawh jaqbeż 3 pożizzjonijiet biex spiċċa fis-6 post.
Aktar kmieni matul il-ġurnata, Cynthia Frendo Duca u Sue Abela bowled fis-singles femminili. Frendo Duca spiċċat tajjeb fis-6 post, b’pinfall totali b’saħħtu ta’ 1140 (medja ta’ 190), filwaqt li Sue Abela kellha bidu iebes għal dawn il-kampjonati u spiċċat fil-15-il post.