Opinjoni

OPINJONI: Misericordia

Għal uħud kien differenti minn ta’ qablu, imma diversi fehmu li kien qiegħed iwassal iktar proġetti li kienu, b’xi mod, inbdew biex iseħħu. Kellna ħajja żewġ persuni li okkupaw il-kariga ta’ Papa, mentri llum ġew it-tnejn imsejħa lura.

mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

M’hemmx dubju li minn meta ġie elett, il-Papa Franġisku għamel tibdiliet kbar fid-dinja Kattolika. Ħa linja differenti: dik ta’ aktar viċin in-nies. Iktar mimlija umiltà, faqar u mħabba.

Għex il-ħajja ta’ mexxej spiritwali b’mod differenti, u mar lura lejn dak li tul dawn il-jiem se nsibu miktuba fl-Atti tal-Appostli. Ġedded kemm felaħ, u sab lil ħaddieħor jgħinu, sabiex iġib lill-Knisja tkun aktar awtentika u kapaċi tissupera l-intoppi u l-kumplikazzjonijiet li ma kinux ġew affrontati tajjeb qabel.

Mhu faċli xejn tibdel mentalità u prattika tas-sekli. Imma hu rnexxielu jagħmel impatt qawwi ħafna, tant li nafu li biddel.

Ħniena

Beda bil-messaġġ qawwi tal-ħniena. Messaġġ li nxtered ma’ dawk li kienu tbiegħdu mill-fidi jew li ma kinux jemmnu. Fetaħ kemm felaħ il-bibien tal-Knisja. Ħafna ġew, u daħlu lura fi djalogu miegħu. Ma żamm lil ħadd barra imma assigura li jibgħat, anzi, lill-kleru jiġri mal-merħla tagħha. Dik tal-Knisja tiegħu u dik ġejja minn knejjes oħra.

Ried li jitħalltu u jkunu preżenti magħhom f’dak kollu li kien u li jkun għaddej. Imbotta lill-bnedmin biex ma jibqgħux marbuta fis-sagristija. L-evanġelizzazzjoni hija missjoni deċiżiva, kostanti u li trid titwettaq b’umiltà.

Fit-tul

Kien dak li ġieb il-faqar lura bħala valur. Beda bl-isem ta’ Franġisku għall-fqir nett ta’ Assisi. Hu li kien Ġiżwita, għamel għażliet ċari li bihom żamm lil diversi jirriflettu. Kien dak li ddeskriva l-flus f’termini li konna ilna ma nisimgħu. Ħa ħsieb biex dawk li kienu abbandunati fit-toroq ta’ Ruma jingħataw wens, ikel, fejn jinħaslu, fejn jaqtgħu xagħarhom, fejn isibu tabib.

Mhux biss, iżda kien jiltaqa’ u jiekol magħhom, l-iktar fil-jiem importanti għalih. Wera li l-vot tal-faqar kien determinanti għall-Knisja fid-dinja tal-lum, fejn isiru diversi kompromessi. Kien il-Papa tal-Prinċipji ċari, u inflessibbli fihom. F’dan kollu kien dak li ħa ħsieb jiddikjara lil Charles de Foucauld qaddis.

Orfni

F’dan, wieħed irid imur lura u jifhem dak li l-Knisja għaddiet minnu fl-2013 b’Papa daqstant ieħor kbir bħal Benedittu XVI li kien għadu kif irriżenja. Għal perjodu kien hemm huma t-tnejn f’daqqa, b’influwenza rispettiva fil-karigi differenti. Sitwazzjoni li ebda Papa qabel ma affronta.

Kien fid-dawl, u sakemm għadda ż-żmien, kien ukoll fid-dell. Dinja mdorrija bl-ideat ta’ Ratzinger trid tinġieb sabiex tibdel biex tifhem lilu. Ma qagħadx lura, anzi daħal mill-ewwel biex jaġixxi. Għal uħud kien differenti, imma diversi fehmu li kien qiegħed iwassal iktar proġetti li kienu, b’xi mod, inbdew biex iseħħu. Kellna ħajja żewġ persuni li okkupaw il-kariga ta’ Papa, mentri llum ġew it-tnejn imsejħa lura.

Mentalità differenti

F’dan ġieb miegħu ideat differenti li r-realtà tal-Amerika Latina tagħti. Għażla kuraġġuża u neċessarja. L-Arġentina u dak kollu li l-post għadda minnu. Elementi li ffurmawh u basktuh biex mhux biss iħaddan il-Fidi, imma jgħixha u jwettaqha f’opri. Mimli azzjoni, deċiżiv. Il-bniedem li kien imwarrab imma skopert mill-ġdid u mogħti ġieħ.

M’hemmx dubju li kienet l-Id tal-Ħallieq tagħna għalih li ma kellux ‘karriera’ imma ħajja fejn li “jkun li trid int” kienet verament hekk. Ried anzi jċedi l-pass u jmur lura f’parroċċa żgħira. Minflok, min tah il-ħajja daħħlu jmexxi parroċċa kbira ħafna.

Paċi

F’dawn l-aħħar sentejn ġabar rispett mid-dinja kollha. Kien dak li baqa’ jinsisti sabiex jieqfu l-gwerer. Kien il-bniedem li tkellem fil-verità u dak li kellu jingħad f’isimna qalu. Kull okkażjoni kienet tajba. F’dan għallem u għadda ħafna lezzjonijiet u riflessjonijiet. L-omeliji tiegħu diretti lejn il-qalb u l-moħħ tagħna. Żied fl-għerf għal dawk li jafu u rnexxielu jċaqlaq oħrajn fit-Triq it-Tajba.

L-Enċikliċi tiegħu jitolbu dejjem iktar qari u studju. Kull paragrafu trid ġimgħat biex tassorbih. Kien jaf ħafna u f’dan għallem daqstant ieħor.

Insellmulu

F’ħajtu għamel kull sforz u ma baqax lura milli jagħti ħajtu għall-oħrajn sal-aħħar sforz u nifs. L-aħħar marda tiegħu kienet iebsa u kiefra. Dan fl-istess triq li San Ġwanni Pawlu t-Tieni segwa. Ilkoll niftakru li t-tnejn għaddew mill-istess esperjenza ta’ Via Sagra li raw mingħajr ma kienu preżenti għaliha u wara ttieħdu. Wieħed fil-protezzjoni tal-Ħniena Divina u Franġisku f’dik tagħna f’ta’ San Anselmu.

F’dan għalhekk ċertament għandna dmir insellmulu. Infaħħruh u nirringrazzjawh għal dak li kien u f’dak kollu li se jibqa’ magħna. Ċertament wieħed li se jħalli marka fil-qlub ta’ diversi. Persuna li, fuq kollox, kitbietu se jkomplu jiggwidaw lilna u lil dawk li għad iridu jiġu. Persuna li riedna nħennu u li nitolbu lil min irid iħenn għalina.

Persuna li se jibqa’ fil-memorja kollettiva tagħna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 29 ta’ April, 2025.