L-aħbar li kważi tliet kwarti tan-negozji ż-żgħar f’Malta jemmnu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni l-ħażina tkompli tikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista – li pajjiżna jinħtieġ mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq il-kwalità li jattira l-investiment.
Fi stqarrija, Robert Cutajar, Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi; u Ivan Castillo, Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja; qalu li Malta u l-ekonomija tagħha għandhom bżonn bidla fid-direzzjoni li jista’ jagħtiha biss il-Partit Nazzjonalista.
Apparti li jgħid li seba’ minn kull għaxar negozji żgħar f’pajjiżna qed jgħidu li pajjiżna ma għandux direzzjoni, l-istess stħarriġ li għamlet il-Kamra tal-SMEs b’kollaborazzjoni mal-MISCO għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena juri wkoll li terz tas-sidien tan-negozji ż-żgħar jemmnu li mhux għaqli li wieħed jinvesti matul it-tnax-il xahar li ġejjin. Waqt li aktar minn nofs l-SMEs huma inċerti, b’16% biss jgħidu li jaraw dan iż-żmien bħala opportun biex jinvestu.
L-SME Barometer ippubblikat ilbieraħ għal darba oħra jikkonferma dak li ilu jsostni l-PN – il-ħtieġa li Malta tieħu direzzjoni ekonomika differenti li taspira fiduċja u ottimiżmu fis-sidien tan-negozji u fl-investituri Maltin u barranin.
L-istħarriġ jikkonferma dak li ħareġ minn stħarriġ ieħor ippubblikat f’Jannar li għadda mill-istess Chamber of SMEs, u għalhekk juri li s-sitwazzjoni għan-negozji ż-żgħar ma nbidlitx.
Fl-istħarriġ ippubblikat ilbieraħ, is-sidien tal-istess negozji kienu mistoqsija x’inhuma l-iktar temi urġenti li għandhom ikunu indirizzati mill-Gvern u semmew in-nuqqas ta’ governanza tajba (33%), il-korruzzjoni (30%), iż-żieda fil-popolazzjoni (30%) u l-għoli tal-ħajja (27%).
Imma Robert Abela qed jiġi jaqa’ u jqum minn dak li qed jgħidulu s-sidien tan-negozji fuq l-aktar affarijiet li qed jinkwetawhom:
· Dwar il-governanza tajba, għadda liġi biex int ma tkunx tista’ tinvestigah
· Dwar il-korruzzjoni lbieraħ stess wieġeb li l-istorja li ħarġet it-Times of Malta dwar l-inkjesta tal-Electrogas kienet storja riċiklata
· Dwar l-inkwiet tan-negozji fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni, beħsiebu jkompli jżid il-popolazzjoni bla pjan
· Dwar l-għoli tal-ħajja mhux qed jifhem l-inkwiet tal-familji Maltin u saħanistra vvota kontra Mozzjoni Parlamentari tal-PN biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet dejjem jogħlew.
Huma sostnew li l-Oppożizzjoni ilha snin tinsisti biex il-Gvern jindirizza dawn l-isfidi u ressqet numru ta’ proposti biex il-poplu Malti ma jibqax iħabbat wiċċu ma’ problemi u sfidi li ġab dan il-Gvern stess minħabba nuqqas ta’ viżjoni u stil ta’ politika maħsuba biss biex dawk ta’ ġewwa jimlew bwiethom.
Il-poplu Malti jrid il-bidla u dan l-istħarriġ jikkonferma dan.
Id-deputati Robert Cutajar u Ivan Castillo sostnew li huwa biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jagħti tama ġdida u serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi, u lis-sidien tan-negozji f’pajjiżna.
//= $special ?>