PSG għamlu pass importanti lejn il-finali ta’ Munich meta fl-Emirates Stadium ta’ Londra għelbu lil Arsenal 1-0, biex issa jibdew favoriti għat-tieni leg f’Pariġi tmint ijiem oħra.
Kienet prestazzjoni mill-aqwa tal-Pariġini li megħjuna minn goal kmieni fil-logħba, kellhom l-ewwel taqsima fejn iddominaw bil-Gunners li ma setgħux jidħlu fir-ritmu tal-logħba.
Il-goal rebbieħ wasal wara biss erba’ minuti meta l-ex Napoli Kvaratskhelia għadda tajjeb fuq ix-xellug u qassam lejn Dembele li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Raya bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa fix-xibka.
Raya wettaq xi saves importantibiex żamm lill-Gunners fil-logħba iżda fl-aħħar fażi tal-ewwel taqsima Arsenal bdew jidħlu iktar fil-logħba u l-goalkeeper Donnarumma wettaq save stupend fuq xutt ta’ Martinelli.
Fit-tieni taqsima Arsenal ħarġu deċiżament aħjar u kellhom diversi attakki fejn Donnarumma wettaq save ieħor brillanti fuq tentattiv ta’ Trossard. Wara li assorbew il-pressjoni fl-ewwel fażi tat-tieni taqsima, PSG bdew ikunu mill-ġdid ta’ theddida fl-aħħar fażi tal-logħba u Raya salva lill-Gunners fuq xutt ta’ Barcola u fl-aħħar minuti Ramos kien sfortunat meta x-xutt tiegħu ħabat mal-mimduda.
Issa l-appuntament għal Pariġi, iżda Arsenal iridu juru titjib kbir jekk iridu jeliminaw lil PSG li l-bieraħ kienu mingħajr dubju l-aħjar tim fil-ground.
PSG jirbħu l-ewwel leg tas-semi finali kontra Arsenal
