Colin Schembri
Starlites JSD……………..72
Betsson Depiro………58
(12-13)(17-11)(23-16)(20-18)
Starlites JSD marru fil-vantaġġ ta’ 2-1 fis-serje tal-finali tal-kampjonat MAPFRE MSV Life meta għelbu lil Betsson Depiro 72-58 f’wirja oħra ta’ determinazzjoni u organizzazzjoni perfetta. Taħt it-tmexxija ta’ Peter Shoults, Starlites għal darb’oħra bnew ir-rebħa tagħhom fuq difiża tajba u attakk effiċjenti, b’mod speċjali bit-trippli, fejn spiċċaw bi 41.2% suċċess (14/34). It-tim kien konsistenti matul il-partita kollha, fejn irnexxielhom jiżviluppaw vantaġġ ta’ 20 punt fit-tielet sessjoni, b’kontribut b’saħħtu minn Makaila Napoleon (20 punt) u Ylenia Bonett (15 punt). Id-difiża tal-perimetru kienet fundamentali wkoll biex iwaqqfu lil Depiro, li spiċċaw b’persentaġġ ta’ 29.7%, u f’mumenti kruċjali ma sabux soluzzjonijiet kontra l-pressjoni ta’ Starlites. Il-wirja ta’ Starlites kienet immarkata minn fast breaks effettivi li ġġeneraw 15-il punt, kif ukoll minn pressjoni difensiva li ġabet 25 punt direttament minn turnovers ta’ Depiro. Starlites żammew il-kmand tal-partita prattikament mill-bidu nett, u Depiro qatt ma rnexxielhom jerġgħu jmorru minn fuq wara l-ewwel sessjoni.
Depiro bdew l-aħjar u fetħu vantaġġ bikri ta’ 4-0 u 7-3 fejn kellhom trippla ta’ Julia Borg. Starlites ukoll kellhom it-trippli ta’ minn Christina Curmi u Makaila Napoleon flimkien mal-punti ta’ Philippa Riolo u Sacha Lecuyer. Depiro kellhom risposta permezz ta’ Claire Ciantar biex temmew l-ewwel sessjoni 13-12 minn fuq. Fit-tieni taqsima, wara trippla u basket minn Nicole Agius li kabbru l-vantaġġ ta’ Depiro għal 18-14, Starlites wieġbu b’run ta’ 9-0 grazzi għal Lecuyer, Napoleon u Ylenia Bonett u marru fuq quddiem 23-18. Depiro rrispondew permezz ta’ Joselle Borg Cardona u Janai Crooms pero l-punti ta’ Bonett fosthom trippla raw lil Starlites jidħlu jistrieħu 29-24 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni, Starlites ħasdu lill-avversarji bi 8 punti konsekuttivi bi trippli minn Lecuyer u Michela Zammit Cordina u fetħu vantaġġ ta’ 13 -il punt 37-24. Depiro tħabtu biex jirkupraw u għamlu run ta’ 9-1 b’punti minn Crooms, Ciantar u Kristy Galea. Napoleon wieġbet b’ħames punti konsekuttivi hekk kif Starlites komplew bi break ta’ 9-2 biex temmew it-taqsima 52-40 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, Starlites kabbru vantaġġ għal 20 punt 60-40 b’run oħra ta’ 8-0 bi trippli ta’ Lecuyer u Zammit Cordina. Għalkemm Depiro kellhom reazzjoni finali partikolarment minn Crooms u trippla ta’ Galea, Starlites baqgħu organizzati u għarfu jgħalqu l-partita bi trippla oħra minn Zammit Cordina fil-mumenti finali biex ħarġu rebbieħa 72-58.
Starlites JSD: S. Lecuyer 12, M. Riolo 2, C. Cilia, P. Riolo 6, M. Zammit Cordina 12, E. Degiorgio, M. Fenech 2, M. Napoleon 20, Y. Bonett 15, F. Vella, L. Zammit, C. Curmi 3.
Betsson Depiro: N. Agius 13, J. Borg Xerri, J. Mallia , L. Sciberras, No. Agius, C. Ciantar 11, J. Borg 7, N. Borg 3, K. Galea 7, J. Borg Cardona 2, H. Farag, J. Crooms 18.
Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Gordon Barbara.
//= $special ?>