Futbol Sport

Tintemm l-avventura ta’ Gilbert Agius bħala kowċ ta’ PSIS Semarang

Gilbert Agius
Gilbert Agius

Tiġi fit-tmiemha l-avventura tal-kowċ Malti, Gilbert Agius fl-ogħla diviżjoni fl-Indoneżja, wara li kien ilu ftit inqas minn sentejn u tliet xhur fit-tmun ta’ PSIS Semarang.

Fi stqarrija maħruġa fl-aħħar sigħat, PSIS Semarang ħabbru uffiċjalment li Agius m’għadux kowċ tal-klabb tal-Liga 1, u b’erba’ partiti mit-tmiem tal-istaġun, il-kowċ suċċessur tal-eks captain tat-tim nazzjonali Malti, se jkun Muhammad Ridwan.

Dan tal-aħħar kien diġa’ serva fir-rwol ta’ kowċ interim ta’ PSIS Semarang qabel ma ħa t-tmexxija f’idejħ tat-tim Agius, fi Frar tal-2023 u fl-aħħar xhur kien wieħed mill-kollaburaturi fl-istaff tekniku ta’ Agius, fejn serva bħala Team Manager tat-tim.

Minkejja li l-aħħar riżultati ta’ PSIS Semarang kienu neqsin mir-rebħ u attwalment il-posizzjoni fil-klassifika qed tpoġġi lit-tim l-isfel fil-klassifika ta’ Liga 1, l-esperjenza ta’ Agius fl-Indonezja u ma’ PSIS Semarang kienet waħda pożittiva, tant li l-istatistika ta’ Agius meta mqabbla mal-kowċis preċidenti li kellu dan il-klabb fil-passat, tirrikonoxxi lill-Malti bħala l-aktar kowċ ta’ suċċess fl-istorja riċenti ta’ Laskar Mahesa Jenar, kif inhu magħruf il-klabb lokalment.

Fl-aħħar snin, ftit kienu l-kowċis ta’ PSIS Semarang li rnexxilhom jibqgħu fir-rwol ta’ kowċ ta’ dan il-klabb għal tul taż-żmien, bl-amministrazzjoni tal-klabb, f’dawn l-aħħar snin, bidlet kemm il-darba it-tmexxija teknika.

Qabel Agius, l-aktar kowċ li dam imexxi lil PSIS Semarang, kien l-Indonezjan Jafri Sastra, li serva bħala kowċ ta’ dan il-klabb għal 31 partita. Agius, li l-kuntratt tiegħu ma’ PSIS Semarang kien se jiskadi fl-aħħar ta’ dan l-istaġun, mexxa lil dan it-tim għal 73 partita, u għalkemm matul dan il-perjodu hu rrnexxilu jikseb riżultati pożittivi, fl-aħħar ġimgħat it-tim kien beda’ għaddej minn kriżi ta’ riżultati, u li sfortunatament, bħala ma jiġri dejjem fid-dinja tal-futbol, l-ewwel ma jlaqqatha, ikun il-kowċ.

F’73 partita, Agius kiseb 23 rebħa u 15-il draw. Agius kellu relazzjoni tajba mal-partitarji ta’ PSIS Semarang, l-aktar għaliex minn meta ħa t-tim f’idejħ, l-iskwadra tejbet ir-riżultati tagħha, u fl-istaġun li għadda saħansitra kienu pass ‘il bogħod milli jikkwalifikaw għall-play-offs fit-tmiem tal-istaġun, biex ikun deċiż ir-rebbieħ ta’ Liga 1.

L-istaġun li għadda, Agius mexxa lil PSIS Semarang għas-sitt post fil-klassifika finali; l-aħjar staġun u klassifikazzjoni finali miksub minn dan il-klabb wara diversi snin.

Meta tqis kollox, din kienet avventura diffiċli għal Agius, u waħda mill-esperjenzi rari li qatt kellu kowċ Malti fl-istorja tal-futbol lokali. Il-kultura Indoneżjana żgur li m’għenitx biex tagħmel ħajjet u x-xogħol kalċistiku ta’ Agius faċli, iżda minkejja, in-numri u l-istatistika miġbura fit-tmiem ta’ din l-avventura ma’ PSIS Semarang, juru biċ-ċar li l-avventura ta’ Agius f’pajjiż fix-Xlokk tal-Asja, kienet waħda pożittiva, u li għandha tawgura tajjeb biex il-kowċ ta’ 51 sena, jerġa’ jaspira għal esperjenza oħra ma’ klabb ieħor barrani, possibilemnt anke fl-Ewropa.