Ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-istħarriġ tal-European Statistics on Income and Living Conditions (EU-SILC) għas-sena 2024 ikompli jikkonferma li l-ħajja saret aktar diffiċli għal eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin, u li l-Gvern Laburista qed ifalli f’wieħed mill-aktar dmijiriet bażiċi ta’ gvern, u aktar u aktar ta’ gvern ta’ pajjiż b’ekonomija suppost b’saħħitha: dak li jiggarantixxi opportunitajiet u drittijiet bażiċi għal kulħadd.
Fi stqarrija, Ivan Bartolo, ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar; flimkien ma’ Albert Buttigieg, ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali; tkellmu fuq l-aħħar rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-istħarriġ tal-European Statistics on Income and Living Conditions (EU-SILC) għas-sena 2024 li jkompli jikxef il-falliment tal-Gvern li jagħti għajxien deċenti lil kulħadd.
Minkejja l-ftaħir kontinwu dwar “ekonomija b’saħħitha”, dejjem aktar familji u anzjani qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar jew f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Iċ-ċifri ta’ dan l-istħarriġ ippubblikati mill-NSO juru li n-numru ta’ persuni li d-dħul tagħhom niżel għal livell ikklassifikat bħala fir-riskju tal-faqar, żdiedu b’aktar minn 4,000 matul l-2024 biex illum għandna 93,000 persuna fir-riskju tal-faqar, jew 17% tal-popolazzjoni. Dan huwa livell rekord għal pajjiżna.
Dan in-numru ilu jiżdied ftit ftit kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, u din kienet l-akbar żieda f’dawn l-aħħar snin. L-aħħar darba li naqas kien fl-2012. Is-sitwazzjoni tirrifletti ekonomija li kulma jmur qed issir aktar dipendenti fuq cheap labour.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li ekonomija vera b’saħħitha hija waħda li sservi lin-nies kollha, mhux li tkabbar dejjem aktar id-differenza bejn min jaqla’ ħafna u min qed jara l-qiegħ – ekonomija li qed tħalli lil ħafna li jaħdmu kemm jaħdmu mhux qed ilaħħqu.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex minnufih jadotta l-miżuri li tatu xhur ilu l-Oppożizzjoni għall-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja, u li jistgħu itaffu ftit mit-tbatijiet ta’ dawk fil-faxex l-aktar vulnerabbli.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jibni ekonomija li tassew taħdem għal kulħadd, fejn il-ġid jitqassam b’mod ġust u fejn kull persuna tkun tista’ tgħix b’dinjità u jkollha l-kwalità tal-ħajja li wieħed jistenna li jkollu f’pajjiż modern Ewropew.
Iż-żewġ deputati fissru li jimmanipula kemm jimmanipula ċ-ċifri l-Gvern Laburista biex ipinġi stampa qarrieqa, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem fuq in-nies u l-familji, u jara kif itaffilhom it-tbatijiet tagħhom.
//= $special ?>