Jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem li se jkun qed itella’ l-Partit Nazzjonalista – ċelebrazzjoni li se tieħu l-forma ta’ attività għall-familji kollha f’Ta’ Qali, fl-1 ta’ Mejju.
Il-PN dejjem emmen li l-ħaddiem hu s-sinsla ta’ pajjiżna u dejjem investa f’pajjiżna biex lill-ħaddiem joffrilu xogħol ta’ kwalità li jwassal għal ħajja ta’ kwalità. U kien għalhekk li Gvern Nazzjonalista dejjem stinka biex jinħolqu setturi ekonomiċi li jħallsu pagi tajbin.
Net News tkellem mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione illi spjegalna l-ħsieb wara l-messaġġ prinċipali magħżul għall-attivitajiet tal-Ħamis, xogħol, ħajja, kwalità.
Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar xhur jiltaqa’ u jisma’ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin sabiex jibbaża’ l-politika tiegħu għall-ġid ta’ kull persuna. Dan permezz ta’ sensiela ta’ żjarat f’postijiet tax-xogħol immexxija mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech.
Il-Festa Familja se ssir f’Ta Qali quddiem l-Ambaxxata Amerikana mis-2 pm ’il quddiem fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech se jkun qed jindirizza lil dawk preżenti propju fi tmiem l-attività. Dan apparti numru ta’ kelliema qabel id-diskors ta’ Bernard Grech.
Iċ-ċelebrazzjoni bit-tema Xogħol. Ħajja. Kwalità. mhijiex biss turija tal-apprezzament lill-ħaddiema kollha ta’ dan il-pajjiż imma wkoll konferma tal-impenn li għandu l-Partit Nazzjonalista biex ikompli jikseb għall-ħaddiema l-aqwa xogħlijiet biex ikunu jistgħu, bil-fatti u mhux bil-kliem, jgħixu ħajja ta’ kwalità.
//= $special ?>