Il-Bank of Valletta ħabbar li rreġistra qligħ b’saħħtu ta’ €67.1 miljun fl-ewwel kwart tas-sena 2025, żieda ta’ 5.3% fuq l-istess perjodu fl-2024. Dawn ir-riżultati għall-Grupp BOV huma effett ta’ prestazzjoni pożittiva sew min-naħa tad-dħul kif ukoll mill-ispejjeż operattivi.
Dan jirrifletti l-impenn tal-Bank li jkompli jsaħħaħ id-dħul mill-oqsma ewlenin tan-negozju, ikabbar id-dħul nett mit-tariffi u l-kummissjonijiet, li jkompli jimbotta l-istrateġija li jallokka mill-ġdid fondi likwidi għall-portafoll ta’ investiment tal-Bank, kif ukoll ir-ripożizzjonament strateġiku tal-karta tal-bilanċ li l-Bank beda sa mill-2022.
Matul dan il-perjodu, il-Bank kompla bl-isforzi tiegħu li jkabbar il-valur tal-azzjonisti, isaħħaħ l-istruttura kapitali u l-pożizzjoni fis-suq permezz ta’ inizjattivi li tħabbru iktar kmieni din is-sena, fosthom il-proponiment ta’ ħruġ ta’ ishma bonus, ix-xiri lura tal-ishma u l-ħruġ ta’ bonds ġodda fix-xhur li ġejjin. Il-Grupp jibqa’ bil-mira li jsostni l-prestazzjoni tiegħu u għaldaqstant jantiċipa li jilħaq profitt qabel it-taxxa ta’ bejn €200 miljun u €250 miljun għas-sena 2025.
Prestazzjoni Finanzjarja
Il-Bank of Valletta rreġistra €118-il miljun fi dħul operattiv għal dan il-perjodu, li jirrifletti żieda marġinali fuq l-2024 (€117.4 miljun). L-ispejjeż totali għall-ewwel kwart, ammontaw għal €52.8 miljun, żieda ta’ 7.5% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2024, primarjament kawża ta’ spejjeż marbuta mal-impjiegi, segwit minn spejjeż regolatorji ogħla minħabba t-tkabbir fil-bażi tad-depożiti u l-investiment kontinwu fi spejjeż marbuta mat-teknoloġija hekk kif il-Bank ikompli jixpruna d-diġitalizzazzjoni.
L-impenn tal-Grupp li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-kreditu tal-portafoll tas-self, wassal biex il-proporzjon tas-self li ma jrendix kompla jonqos, biex għalaq l-ewwel kwart tal-2025 f’livell ta’ 2.5% meta mqabbel ma’ 2.7% fl-aħħar ta’ Diċembru 2024.
Il-punti ewlenin tal-Prestazzjoni Finanzjarja tal-Grupp:
Prestazzjoni | Q1 2025 | Q1 2024 |
Qligħ Qabel it-Taxxa | €67.1 m | €63.7 m |
Dħul Nett mill-Imgħax | €92.5 m | €98.3 m |
Dħul Nett mit-Tariffi u l-Kummissjonijiet | €20 m | €18.7 m |
Proporzjon ta’ Spejjeż u Dħul | 44.7% | 41.8% |
ROAE Ratio (qabel it-taxxa) | 18.8% | 19.8% |
Qligħ minn kull Sehem | €0.076 | €0.072 |
Valur Nett tal-Assi minn kull Sehem | €2.49 | €2.41 |
Proporzjon Gross ta’ Self għad-Depożiti | 56.7% | 54.5% (Diċ 2024) |
Qligħ mill-Assoċjati tal-Assigurazzjoni | €2.0 m | €1.9 m |
It-total tal-Assi tal-Grupp żdiedu b’€549.2 miljun mill-aħħar tas-sena 2024 għal €15.6 biljun sal-aħħar ta’ Marzu 2025. Id-Depożiti raw żieda żgħira ta’ €2.9 miljun filwaqt li l-Portafoll tat-Teżor tal-Bank ra żieda sinifikanti ta’ 9.5% fl-investimenti matul il-perjodu taħt reviżjoni biex issa dawn laħqu is-€6.9 biljun. It-total tal-ekwità tal-Grupp għalaq f’€1.5 biljun, bil-proporzjonijiet kapitali jibqgħu b’saħħithom u ogħla mir-rekwiżiti regolatorji.
Tisħiħ tal-Karta tal-Bilanċ u tas-sistemi operattivi
Ic-Chairman tal-Grupp BOV Gordon Cordina qal: “Ir-riżultati miksuba fl-ewwel kwart tal-2025, sew minn perspettiva operattiva kif ukoll mil-lat finanzjarju, jindikaw li l-Bank huwa f’qagħda tajba li jilħaq il-miri tiegħu għal din is-sena finanzjarja. Se nibqgħu ffukati fuq l-innovazzjoni tat-teknoloġija, l-immaniġġjar tal-karta tal-bilanċ, u t-tisħiħ tad-diversifikazzjoni tad-dħul, li għandhom ipoġġuna f’pożizzjoni favorevoli ta’ tkabbir fil-futur. Dawn ir-riżultati jaffermaw ir-reżiljenza tagħna u jippreparawna biex nieħdu vantaġġ minn opportunitajiet emerġenti filwaqt li nimmitigaw riskji potenzjali.
L-oġġettiv primarju jibqa’ dak li jkun provdut lill-azzjonisti, ritorn sostnut u stabbli fuq l-investiment.
Il-Bank of Valletta għandu l-mezzi u r-riżorsi kollha neċessarji biex ikompli jappoġġja t-tkabbir stabbli u sostnut tal-ekonomija Maltija fil-futur. F’sitwazzjoni ta’ turbolenza f’xenarju internazzjonali, b’effetti potenzjali fuq l-attività ekonomika nazzjonali, kif ukoll f’kuntest ta’ bidliet fundamentali fis-settur Bankarju f’Malta, il-Bank of Valletta se jkompli jibqa’ kapitalizzat b’mod b’saħħtu u attiv biex joffri servizz lill-klijenti eżistenti u oħrajn ġodda sew fil-qasam tan-negozju u dawk personali, permezz ta’ varjetà ta’ prodotti.
Nixtieq nirringrazzja lil diversi partijiet konċernati, fosthom l-azzjonisti leali tagħna għall-appoġġ u l-fiduċja kontinwa tagħhom, kif ukoll lill-impjegati tagħna għall-impenn kontinwu.”
Il-BOV isostni l-momentum b’titjib notevoli
Fuq l-istess kummenti ta’ Cordina, il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia saħaq li: “Ninsab verament kuntent bil-prestazzjoni finanzjarja tal-Bank għall-ewwel kwart tal-2025, hekk kif inkomplu nsostnu l-momentum li qbadna fl-aħħar tal-2024. Il-Bank irreġistra tkabbir fil-linji kollha tan-negozju, b’titjib notevoli reġistrat fl-attività relatata mas-self inkluż self għan-negozji, self tad-djar u self personali. Rajna wkoll żidiet fid-dħul minn tariffi tal-kards u tkabbir sinifikanti fl-investimenti.”
//= $special ?>