Lokali

Il-Gvern ikompli jfalli fil-politika tal-iskart u jkabbar il-problemi ambjentali

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib dwar l-inċineratur għall-iskart perikoluż fil-Magħtab u dwar l-impatt fuq ir-residenti

Jekk kien fadal xi dubju, issa għandna konferma oħra ta’ kemm il-Gvern Laburista ma jafx fejn sejjer fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart. Kemm ilu fil-Gvern, il-Labour falla f’diversi tentattivi biex jikkontrolla l-problema tal-iskart – u bl-inċertezza li ħoloq hu stess, flimkien ma’ żieda bla kontroll fil-popolazzjoni, kompla jkabbar il-problema li suppost kien qed isolvi.

Fi stqarrija, mix-Shadow Minister għall-Ambjent, Rebekah Borg; ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, Stanley Zammit; u x-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika, Eve Borg Bonello f’isem il-Partit Nazzjonalista, qalu li f’tentattiv ieħor biex ilaħħaq mal-pressjoni li ħoloq hu stess, il-Gvern issa għaddej bil-proċess biex jintroduċi inċineratur ieħor fil-kumpless ECOHIVE fil-Magħtab – din id-darba biex jindirizza l-iskart perikoluż.

Dan huwa separat mill-impjant tal-Waste-to-Energy (WtE), li kien maħsub biex jindirizza l-iskart domestiku u industrijali – impjant li għadu fil-limbu wara li l-Qorti tal-Appell annullat id-deċiżjoni li jingħata l-kuntratt minħabba kunflitt ta’ interess. Din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-proċess ġie sospiż għal raġunijiet simili.

Minn meta beda dan il-proġett, il-Gvern ħoloq hu stess sensiela ta’ ostakli – kollha frott tan-nuqqas ta’ trasparenza, nuqqas ta’ ħsieb u nuqqas ta’ tmexxija serja. Sadanittant, minflok avvanzajna lejn soluzzjonijiet sostenibbli, spiċċajna nkomplu narmu l-iskart fil-miżbliet u nerġgħu nestendu l-landfill tal-Għallis – prova ċara mhux biss tal-falliment tal-proġetti individwali, imma tal-falliment tal-istrateġija kollha. Tul dawn it-12-il sena ta’ Gvern Laburista, rajna pika bla bżonn, nuqqas ta’ konsultazzjoni serja u nuqqas ta’ governanza tajba anke fil-qasam ambjentali.

L-għażla tal-Magħtab bħala s-sit għal dawn il-faċilitajiet kollha hija tipika ta’ Gvern li l-ewwel jiddeċiedi, u mbagħad jipprova jiġġustifika. Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li għażliet bħal dawn għandhom isiru b’mod trasparenti u bbażat fuq l-aħjar soluzzjoni għall-pajjiż kollu – mhux fuq kalkoli politiċi jew amministrattivi. Barra minn hekk, dan il-proġett qed ikabbar ukoll il-konċentrazzjoni tat-traffiku f’żona waħda, b’impatt negattiv fuq l-ambjent tal-madwar, inkluż fuq żona marittima protetta.

Il-proġett tat-Thermal Treatment Facility (TTF) se jieħu wkoll art klassifikata bħala agrikola – ħaġa li tqajjem tħassib serju dwar l-użu tal-art u dwar il-prijoritajiet tal-Gvern. Din il-faċilità għall-iskart perikoluż mistennija tkopri madwar 18,000 metru kwadru ta’ art agrikola fi ħdan il-kumpless ECOHIVE. Il-Partit Nazzjonalista ilu għal ħafna snin juri solidarjetà mal-bdiewa f’din il-kwistjoni, u jtenni l-pożizzjoni li art agrikola għandha tkun protetta, mhux kompromessa.

Fissru wkol li ta’ tħassib serju wkoll huwa l-fatt li l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) għal dan il-proġett qed isir separatament minn proġetti oħra li se joperaw fl-istess kumpless. Għalkemm issemmew xi studji kumulattivi, dawn mhumiex biżżejjed biex jagħtu serħan il-moħħ lir-residenti li jridu jkunu jafu x’se jkun l-impatt reali u sħiħ fuq l-arja li jikkontribwixxu dawn l-impjanti meta kollha jkunu joperaw f’daqqa. Din mhijiex kwistjoni ta’ ġimgħa jew xahar – iżda ta’ espożizzjoni fit-tul li tista’ taffettwa ġenerazzjonijiet. F’kull każ, l-istudji saru fuq il-bażi ta’ dak li diġà kien deċiż – mhux biex tittieħed l-aħjar deċiżjoni. Dan mhux green planning – dan huwa greenwashing.

Ironikament, dan kollu ġej minn Gvern li darba kien iħambaq kontra “l-fabbrika tal-kanċer”. Issa mhux biss għandu pjan li jibni tnejn – wieħed għall-iskart domestiku u industrijali, u ieħor għall-iskart perikoluż – iżda qed jikkonċentrahom f’żona waħda. Il-ħsara potenzjali għas-saħħa pubblika mhux biss ġejja mill-proċess tal-inċinerazzjoni, iżda mill-volum, il-konċentrazzjoni u n-nuqqas ta’ fiduċja fil-proċess.

Dan kollu qed isir f’mument meta l-prijoritajiet ambjentali tal-Unjoni Ewropea nbidlu b’mod ċar. Illum, l-UE qed tpoġġi enfasi qawwija fuq prevenzjoni, riċiklaġġ u ekonomija ċirkulari, u qed titbiegħed minn prattiċi bħalll-inċinerazzjoni li jistgħu jxekklu t-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-finanzjament għal impjanti bħal dawn qed jonqos, u l-appoġġ regolatorju qed jiġi rivedut biex jinkoraġġixxi soluzzjonijiet aktar sostenibbli. Proġetti bħal dawn għandhom ikunu marbuta ma’ strateġija wiesgħa ta’ tnaqqis u separazzjoni tal-iskart – mhux jintużaw bħala s-sostitut tagħha. Il-prijorità llum mhijiex aktar kemm nistgħu naħarqu, imma kemm kapaċi nnaqqsu l-iskart li noħolqu minn qabel.

Il-verità hi li dan kollu huwa l-frott ta’ falliment. Il-Gvern Laburista falla li jwettaq ir-riforma li kellha ssir. Falla li jilħaq il-miri. Falla li jniedi l-faċilitajiet fil-ħin. Falla li jżomm mal-prinċipji ta’ ġustizzja ambjentali. U qabelxejn, falla li jkollu pjan.

Ix-Shadow Ministers Rebekah Borg; Stanley Zammit; u Eve Borg Bonello saħqu li Gvern Nazzjonalista kien ħalla warajh pjan serju u b’viżjoni għall-immaniġġjar modern tal-iskart – għax nemmnu li sfidi bħal dawn jeħtieġu tmexxija b’direzzjoni, serjetà u rispett lejn il-ġid komuni.

Il-pożizzjoni tal-PN f’dan il-qasam kienet u tibqa’ waħda konsistenti: deċiżjonijiet ta’ din il-portata għandhom jittieħdu b’mod trasparenti, b’evalwazzjoni serja tas-siti disponibbli, b’rispett lejn l-użu tal-art agrikola u b’attenzjoni lejn l-impatt fuq il-komunitajiet.

Il-proċess għadu għaddej u għadna biċ-ċans li jittieħdu deċiżjonijiet aktar għaqlin fl-aħjar interess tal-pajjiż.