Lokali

“Il-Gvern m’għandux viżjoni ġusta u sostenibbli għal Kemmuna” – Moviment Graffitti

Il-pjan tal-Gvern biex idaħħal sistema ta’ slots fissi u b’riservazzjoni għall-aċċess fil-Blue Lagoon huwa mimli lakuni u intenzjonalment jevita li jindirizza l-ikbar kawża tal-isfruttament żejjed ta’ Kemmuna – il-vapuri l-kbar tat-turisti.

Meta tliet snin ilu l-Moviment Graffitti niżel il-Blue Lagoon b’azzjoni diretta, għamel talba konkreta: Projbizzjoni totali tal-vapuri l-kbar tat-turisti milli jidħlu Kemmuna.

Din l-azzjoni tkun immirata lejn l-operaturi kummerċjali kbar, bħal dawk ta’ Captain Morgan, immexxija miż-Zammit Tabona, li jattiraw numru kbir ta’ turisti minn Tas-Sliema u Buġibba, u jniżżluhom fil-Blue Lagoon bl-eluf kuljum. Ħafna minn dawn it-turisti lanqas ikollhom l-intenzjoni li jżuru l-Blue Lagoon fl-ewwel lok. Projbizzjoni ta’ dawn il-vapuri tneħħi l-bżonn ta’ limitazzjoni tan-numru ta’ nies.

Nerġgħu nesprimu t-tħassib tagħna li din il-limitazzjoni tista’ tintuża għall-vantaġġ tal-operaturi kummerċjali u kontra l-interess taċ-ċittadini tal-Gżejjer Maltin li jixtiequ jżuru Kemmuna. Huwa wkoll ċar ħafna li din il-limitazzjoni proposta x’aktarx ma tagħmilx differenza għal dawn l-operaturi kbar, li se jkomplu jniżżlu mijiet ta’ turisti fi Blue Lagoon tliet darbiet kuljum, b’impatti negattivi fuq l-ambjent bħal żibel, tniġġis, storbju u tgħaffiġ.

Aktar allarmanti huwa r-reżistenza kontinwa tal-Gvern li jippubblika l-istudju dwar il-kapaċità ta’ Kemmuna. Il-gżira kollha ta’ Kemmuna hija riżerva naturali, iżda jidher li l-pjanijiet tal-Gvern ma jirrispettawx dan il-fatt, peress li l-limitazzjoni proposta tapplika biss għall-Blue Lagoon. Dan ifisser li l-Gvern qed iħeġġeġ lill-operaturi turistiċi jespandu l-attività tagħhom f’partijiet oħra tal-gżira, b’detriment għall-ambjent u għall-esperjenza tar-residenti Maltin u Għawdxin li jżuru Kemmuna.

Din is-sitwazzjoni hija aggravat bil-fatt li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-iżvilupp mill-ġdid tal-lukanda fuq Kemmuna, inkluż żieda drastika fil-volum tal-bini, u żieda fil-kummerċ ġewwa l-bajja ta’ Santa Marija b’ġettie u ristorant.

Barra minn hekk, is-sistema ta’ riservazzjoni għall-Blue Lagoon ser tfisser li 4,000 persuna jistgħu jkunu preżenti bejn it-8pm u l-10pm kuljum. Li tippermetti din l-attività f’riżerva naturali wara nżul ix-xemx, meta wieħed jikkunsidra s-sensittività tas-sit, huwa theddida serja għall-integrità tal-bijodiversità ta’ Kemmuna.

Id-dgħufija tal-Gvern quddiem il-poteri kbar tan-negozju u l-qrubija ma’ ċerti entitajiet kummerċjali fuq Kemmuna hija ċara għal kulħadd. Il-Ministru Ian Borg qed ibigħ il-wirt komuni tagħna lill-imperu tan-negozji filwaqt li jigdeb lill-pubbliku.