Knisja

Il-Kardinal ta’ Baghdad jgħid li l-konklavi jaf idum bejn jumejn u tlett ijiem

Fi kliem il-Kardinal Louis Raphael Sako, il-konklavi li se jeleġġi l-Papa l-ġdid jaf idum biss ftit jiem.

Sako ta dawn il-kummenti lill-ġurnalisti li lbieraħ kienu miġbura fil-Vatikan, fejn insista li dan il-konklavi – dejjem skont hu – se jkun qasir. U allura, jaf ikollna Papa fi żmien jumejn jew tlett ijiem mill-bidu tal-votazzjonijiet.

Il-konklavi se jiftaħ fis-7 ta’ Mejju li ġej, fil-Kappella Sistina.

Dakinhar, għall-ħabta tal-4:30pm, il-kardinali jidħlu għall-ewwel vot tagħhom. Imbagħad, jekk ma jkunx hemm għażla, il-votazzjonijiet ikomplu b’mod regolari kuljum – tnejn filgħodu u tnejn wara nofsinhar.

Il-Papa l-ġdid ikun konfermat permezz tal-famuża “daħna bajda”.

Id-Direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikan, Matteo Bruni, ikkonferma li l-kardinali fil-konklavi se jkunu 133 u mhux 135. Dan għaliex hemm tnejn li se jkunu indisposti minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Jipparteċipa f’dan il-konklavi se jkun hemm il-kardinal Mario Grech.