“Kirja abbużiva, illegali u li tikser id-drittijiet kostituzzjonali tar-rikorrenti”
Dan ħareġ mis-sentenza tal-Qorti fil-każ tal-Każin Laburista ta’ Santa Venera – fejn il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt ordnat lill-Partit Laburista jiżgombra l-Każin f’Santa Venera f’temp ta’ 40 jum.
Din mhix l-ewwel ordni tax-xorta tagħha li ngħatat mill-Qrati Maltin. B’din l-aħħar sentenza tikkonferma li dan it-teħid ta’ propjetà sar b’mod abbużiv u llegali.
Dan wara li l-Partit Laburista fis-snin 70 u 80 kien għażel li jokkupa diversi binjiet pubbliċi u privati – li dawwarhom f’każini politiċi, bl-argument li dawn il-binjiet ser jittieħdu fl-interess tal-pubbliku.
Madanakollu, kif mistenni, il-Qorti ikkonfermat li ma kien hemm l-ebda gwadann min-naħa tal-poplu, filwaqt li l-uniku gwadann sar u baqa’ jsir mill-Partit Laburista. Anzi – il-poplu Malti ma’ gwadanja xejn għajr telf ta’ flus minn kumpens li, bi dritt, ingħataw lill-vittmi li oriġinarjament huma l-propjetarji ta’ dan il-każin.
Fil-passat il-propjetarji ingħataw ‘l fuq minn €160,000 u €60,000 oħra f’kumpens minħabba d-dannu finanzjarju li sofrew minħabba l-akkwist illegali u abbużiv mill-Partit Laburista.
Interessanti l-fatt li oriġinarjament din il-binja, lura fl-1967, kien hemm ordni fuqha min naħa tal-Gvern Malti sabiex tittieħed għall-interess pubbliku minħabba l-pjanijiet ta’ bypass mill-Ħamrun sal-Marsa, però dan ma sarx – Madanakollu il-Malta Labour Party fil-Gvern fl-1973 għażel li juża din l-istess ordni ta’ akkwist sabiex din il-propjetà li kienet beħsibha tittieħed għal skop ta’ infrastruttura, tittieħed mill-Partit Laburista – bil-Qorti issa tiddikjara li dan ma’ kien xejn għajr teħid illegali u turija ta’ abbuż ta’ poter mill-partit fil-Gvern, li dak iż-żmien kien il-Partit Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Mintoff.
Intant, il-Partit Laburista ġie ordnat jiżgobra l-Każin f’40 jum wara battalja legali twila.
//= $special ?>