Ewropa Lokali

It-tieni jum tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew

It-tieni jum tal-Kungress tal-EPP beda bil-votazzjoni għas-Segretarju Ġenerali tal-EPP, għall-Viċi Presidenti kif ukoll għat-Teżorier. B’dawn il-votazzjonijiet jittieħdu b’mod sigriet. Kienu għall-ħabta tal-10:30 meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, s-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea, ix-Shadow Minister Beppe Fenech Adami u l-MEP David Casa ivvutaw. Għall-elezzjoni tal-Viċi Presidenti tal-EPP, ikkontestaw 12-il kandidat u għadhom jiġu eletti 10 biss. Filwaqt li għal Segretarju Ġenerali tal-EPP ikkontestat biss Dolors Montserrat u għal Teżorier ikkontesta biss Francois-Xavier Bellamy.

Intant, matul il-jum se jkun hemm vot dwar numru ta’ reżoluzzjonijiet flimkien ma’ diskussjonijiet dwar il-libertà u d-demokrazija madwar id-dinja.

Matul il-jum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li huwa akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello; is-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea u x-Shadow Minister Beppe Fenech Adami; mistenni jattendi numru ta’ laqgħat bilaterali. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista mistenni jkollu wkoll laqgħa mal-Membri Parlamentari Ewropej.

Tard ilbierah Manfred Weber ġie konfermat mill-ġdid bħala l-President tal-Partit Popolari Ewropew b’fiduċja ta’ 89%.