Fit-tieni u l-aħħar jum tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Valencia, il-Kap tal-PN Bernard Grech iltaqa’ mat-tliet Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, David Casa u Peter Agius u ddiskutew diversi temi, inkluż il-ħidma tal-EwroParlamentari tal-PN fi ħdan il-Kumitati tal-Parlament Ewropew.
Wara li fl-ewwel jum tal-Kungress, l-interventi ffukaw fuq it-tisħiħ tad-difiża, id-demokrazija u l-futur tal-Ewropa, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, u l-bidliet fil-popolazzjoni – kollha temi li jolqtu wkoll lil Malta – illum kien hemm diskussjoni dwar il-ħidma interna u organizzattiva tal-PPE.

Matul il-Kungress tal-PPE saru wkoll elezzjonijiet importanti għal dan l-akbar partit fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fejn Manfred Weber ġie kkonfermat President filwaqt li ġew eletti għaxar Viċi Presidenti. Dolors Montserrat ġiet eletta Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, u kienet ratifikata wkoll il-pożizzjoni ta’ François-Xavier Bellamy bħala Teżorier.
Dawn l-elezzjonijiet mistennija jsaħħu l-pożizzjoni tal-Partit Popolari Ewropew kif ukoll dik tal-Unjoni Ewropea.

Id-delegazzjoni Maltija vvutat għal dawn il-karigi importanti fit-tmexxija tal-Partit Popolari Ewropew, waqt li ttieħdu wkoll voti dwar bidliet għall-istatut tal-PPE u numru ta’ riżoluzzjonijiet importanti fosthom dwar is-saltna tad-dritt, it-tibdil fil-klima u anke l-immigrazzjoni.
Tul il-jumejn ta’ Kungress fi Spanja, Bernard Grech kellu diversi laqgħat ma’ mexxejja oħra u uffiċjali tal-PPE fosthom mas-Segretarja Ġenerali l-ġdida tal-PPE Dolors Montserrat kif ukoll mal-Viċi PM Taljan Antonio Tajani, mal-Kap tal-Oppożizzjoni Spanjol Alberto Núñez Feijóo, mal-Kap tal-Oppożizzjoni Ċiprijotta Annita Demetriou u mal-PM tal-Maċedonja ta’ Fuq Hristijan Mickoski, fejn kompliet id-diskussjoni dwar kif l-Istati Membri tal-UE flimkien iridu jkomplu l-ħidma għal Ewropa li tagħti r-riżultati liċ-ċittadini tagħha. Ewropa li tħares id-dinjità u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha.

Il-Kap tal-PN ilbieraħ indirizza l-Kungress flimkien mal-mexxejja l-oħra u filgħaxija ħa sehem ukoll f’working dinner ospitat mill-Partido Popular ta’ Spanja għall-Kapijiet ta’ Stat u Gvern, Kapijiet tal-Oppożizzjoni u Presidenti tal-Partiti li huma membri tal-PPE.
Matul il-jumejn fi Spanja, mal-istess mejda tad-diskussjonijiet fejn kien hemm il-Kap tal-PN, kien hemm ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u għadd ta’ Kummissarji oħra tal-UE li jiffurmaw parti mill-familja tal-PPE, il-Kanċillier-elett tal-Ġermanja Friedrich Merz u l-eks Prim Ministru tal-Ukrajna Yulia Tymoshenko.
Malli tard ilbieraħ filgħaxija kien ikkonfermat fil-kariga, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ ma’ Manfred Weber u feraħlu għall-konferma tiegħu bħala President tal-Partit Popolari Ewropew. Hu qal li l-ħidma tiegħu fit-tmun tal-akbar partit politiku fl-UE b’risq il-futur tal-Ewropa hija ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. Bernard Grech qal li jinsab ċert li taħt it-tmexxija tiegħu, il-PPE se jkompli jkun vuċi b’saħħitha għal Ewropa li tgħożż il-familja, id-drittijiet, u l-valuri li jżommuna magħqudin.
Anke l-Partit Nazzjonalista awgura lil Manfred Weber kull suċċess fil-ħidma tiegħu għal Ewropa aktar b’saħħitha u magħquda.
Fi tmiem il-Kungress, f’kummenti li ta lill-media, Bernard Grech qal li f’dawn il-jumejn hu saħaq fuq l-importanza tad-djalogu u dwar kemm hu kruċjali li l-Ewropa tibqa’ taħdem għal suq ħieles madwar id-dinja, fid-dawl tat-tariffi imposti mill-Gvern Amerikan li qed jheddu taqlib fis-swieq barranin. Il-Kap tal-PN tenna li taħt it-tmexxija tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u ta’ Roberta Metsola – il-President tal-Parlament Ewropew, u bis-sostenn ta’ Manfred Weber, l-Unjoni Ewropea se tkun tista’ tkompli tibni fuq is-suċċessi li kisbet għall-popli tagħha.
Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat f’Valencia mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, is-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea u x-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami.
//= $special ?>