Waqt li kienet qed tindirizza il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Valencia, Spanja, il-President Metsola qalet li “r-rinaxximent tal-Ewropa jinsab f’idejna. Għandna bżonn biss ir-rieda – il-kuraġġ politiku – biex nagħmlu dawk il-bidliet. Biex nuru li aħna kontinent li qed jiżdied. Biex nagħtu prova l aħna miftuħa għan-negozju. Għall-ideat. Għal modi ġodda biex nindirizzaw problemi qodma. Hekk nagħtu risposta lil min jipprova jitfa d-dubju. Hekk se nkomplu niġġieldu kontra dawk li diġà qed jippruvaw joqtlu l-proġett Ewropew.”
F’riflessjoni fuq ir-riżultat elettorali tas-sena l-oħra, Roberta Metsola qalet li n-nies għamlu tliet talbiet ewlenin: sigurtà ekonomika; sistemi li jaħdmu; serħan il-moħħ u sigurtà. L-MEP Maltija qalet li minn perspettiva ekonomika, l-Ewropa qed tisma’.
“Matul dawn l-aħħar xhur, iltqajt ma’ sidien ta’ negozji minn kull qasam tal-ħajja – minn ġganti industrijali kbar għal intrapriżi iżgħar immexxija minn familji. Kollha jgħidu l-istess ħaġa. Huma sempliċement iridu ċ-ċans li jikkompetu. U hawnhekk, it-tweġiba tal-Ewropa għandha tkun ċara, mhux ambigwa: aħna se nkunu ta’ spalla għalik. Se niddefendu n-negozji tagħna, l-industrija tagħna u l-familji tagħna.”
Il-President Metsola qalet li din is-sena hija s-sena fejn l-Ewropa twettaq. “Dak li nirrappreżentaw, dak li nissimbolizzaw fl-Ewropa u madwar id-dinja huwa aktar importanti minn qatt qabel. Il-mod Ewropew tagħna se jagħti riżultati.”
Il-President Metsola qalet li f’dinja ta’ rivali ġeopolitiċi li qed jikbru u ġganti ekonomiċi li huma ffukati fuq nieshom, l-industriji u n-negozji tagħhom stess, l-Ewropa teħtieġ li tirrikonoxxi li “filwaqt li individwalment aħna lkoll żgħar, flimkien aħna forza li għandha tkun rikonoxxuta.”
Hija żiedet tgħid li dejjem se tiddefendi l-kummerċ ħieles u ġust, u żiedet li t-tariffi jagħmlu ħsara lil kulħadd u ma jibbenefikaw lil ħadd. “Imma naħseb li huwa importanti li nirrikonoxxu li rnexxielna nibagħtu messaġġ qawwi u magħqud, u enfasizzajna li inqas ma noħolqu ostakli, aktar in-nies tagħna jkollhom prosperità. Għalhekk, l-Ewropa se taġixxi biex tipproteġi l-impjiegi tagħha u tiddefendi l-interessi tagħha. Naturalment, dak li neħtieġu fil-futur huwa aktar djalogu, mhux aktar tensjoni.
Irridu nużaw din il-pawża ta’ 90 jum. Nistgħu noħolqu sitwazzjoni fejn kulħadd jirbaħ.”
Roberta Metsola qalet li l-Ewropa għandha toħloq relazzjoni ġdida u aktar mill-qrib ma’ alleati bħar-Renju Unit u l-Kanada. “Iż-żminijiet li qed ngħixu fihom ifissru li rridu nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti, nadattaw, nisfidaw il-perċezzjonijiet. Ejjew ma nibżgħux nieħdu l-passi li jmiss li nafu li huma neċessarji,” iddikjarat il-President tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>