Futbol Sport

Lamine Yamal jispira lil Barcelona għal rimonta impressjonanti kontra Inter

Lamine Yamal
Lamine Yamal

UEFA Champions League | Semi-Finali, l-ewwel leg

Barcelona vs Inter 3-3

Barcelona u Inter taw spettaklu mill-aqwa fl-ewwel logħba bejnithom, fl-ewwel partita minn tnejn mis-semi-finali tal-UEFA Champions League.

Inter bdew tajjeb, tant li kienu 2-0 minn fuq, iżda l-ispettaklu li ta t-tfajjel ta’ 17-il sena, bl-isem ta’ Lamine Yamal xpruna lil Barcelona biex jirkupraw iż-żewġ gowls żvantaġġ u temmew il-partita f’draw ta’ 3-3. Yamal kien sfortunat ukoll li ma rebbaħx lil Barcelona meta għal darba, darbtejn kellu konklużżjonijiet li ħabtulu mal-lasta.

Inter fetħu bl-aqwa mod possibli, meta wara biss 30 sekonda mill-futħ tal-partita, Marcus Thuram skorja l-aktar gowl veloċi fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni, f’semi-finali.

Marcus Thuram jiċċelebra l-ewwel gowl tal-partita, u li kien skorjat wara 30 sekonda biss mill-bidu tal-logħba.

Dan il-gowl kien xokk qawwi għal Barcelona, u fil-21 minuta Inter komplew  iżidu mal-bidu mill-aqwa li kellhom fl-Estadi Olímpic Lluís Companys meta Denzel Dumfries ikkonkluda b’mod akkrobatiku fix-xibka avversarja wara passaġġ ta’ Francesco Acerbi għal skor ta’ 2-0.

Dan kien l-agħar bidu li qatt setgħu joħolmu biħ Barcelona, izda r-rebbieħa tal-Copa del Rey ta’ nhar is-Sibt li għadda wetqu reazzjoni immedjata wara dan it-tieni gowl. Fl-24 minuta, iż-żagħżugħ Lamine Yamal daħal fil-kaxxa, u minn fuq il-lemin, b’xutt bix-xellug għeleb lil Yann Sommer għal skor parzjali ta’ 2-1.

Tliet minuti wara, it-talent Spanjol ta’ 17-il sena, Yamal kien qrib il-gowl tad-draw, meta laqat il-lasta. Barca komplew iżidu fil-logħob tagħhom, u Yamal kompla jkun spettakolari u l-akbar bojja tat-tim avversarju.

Fit-38 minuta, l-Ispanjoli rrnexxilhom jiskorjaw il-gowl tat-2-2, meta minn assist ta’ Raphinha, Ferran Torres ma kellux diffikultá biex jikkonkludi fix-xibka għar-raba’ gowl fil-partita, u meta kienet għadha lanqas intemmet l-ewwel taqsima.

L-ispettaklu f’serata tal-aqwa futbol, kompla fit-tieni taqsima, meta fit-63 minuta Inter reġgħu skorjaw il-gowl tal-vantaġġ. Din id-darba kienet azzjoni ta’ corner mogħti minn Hakan Calhanoglu u reġa’ kien Dumfries, li bir-ras għola tajjeb minn fuq kulħadd, u xeħet wara l-gowlkiper Pollak, Wojciech Szczęsny għal skor parzjali ta’ 3-2.

Iżda dan il-gowl vantaġġ, iċ-champions Taljani gawdewħ biss għal ftit aktar minn minuta, meta minn konnklużżjoni ta’ Raphinha, il-gowlkiper Żvizzeru, Sommer kien sfortunat li tefa’ fix-xibka tiegħu stess, għal awto-gowl li permezz tiegħu reġa’ poġġa liż-żewġ timijiet f’bilanc għal skor ta’ 3-3.

Lejn tmiem il-logħba, Barca kienu qrib il-gowl tar-rebħa, iżda Yamal reġa’ kien sfortunat li laqat il-lasta. Dan kien l-aħħar ċans tajjeb tal-logħba, f’90 minuta tal-aqwa futbol, f’waħda mill-isbaħ partiti li rajna dan l-istaġun f’din il-kompetizzjoni.

Il-logħba tal-ewwel leg, hu awgurju tajjeb għat-tieni logħba bejn dawn it-tnejn, din id-darba f’San Siro, fejn hemhekk se jkun deċiż min se jkun it-tim li se jagħmilha għall-finali li kelna sitt gowls skorjati f’Barcelona.