Kummerċ Lokali

Min jieħu l-HSBC irid ikollu “reputazzjoni u affidabbiltà”

Ritratt: Bank Ċentrali ta' Malta

“Ir-reputazzjoni u l-affidabbiltà” għandhom ikunu fatturi ċentrali għal min jieħu f’idejh l-HSBC.

Hekk stqarr l-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alexander Demarco, meta mistoqsi minn din il-kamra tal-aħbarijiet dwar il-proċess tal-akkwist tal-bank internazzjonli HSBC f’pajjiżna… hekk kif l-Erbgħa, il-Bank Ċentrali ta’ Malta preżenta r-rapport annwali tiegħu għas-sena 2024.

L-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali saħaq fuq l-importanza tal-kompetitzzjoni b’rabta mal-proċess tal-akkwist tal-bank HSBC. Dan wara li l-bank, fix-xhur li għaddew, ħabbar li se jwaqqaf l-operat tiegħu f’pajjiżna.

Barra minn hekk, huwa enfasizza l-ħtieġa tar-reputazzjoni u l-affidabbiltà ta’ min jieħu f’idejh l-operat tal-bank HSBC Malta.

Intant, il-konferenza tal-Erbgħa kienet indirizzata mhux biss mill-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali iżda anke mill-Kap Ekonomista Aaron Grech u d-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja Oliver Bonello. Bil-kelliema jiffukaw fost l-oħrajn fuq il-prestazzjoni ekonomija tal-aħħar xhur, u l-element ta’ inċertezza li għadha teżisti fl-ekonomija.