mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
Meta fil-Parlament għamilt id-diskors tiegħi dwar l-estimi tal-baġit għas-sena 2025, ftit xhur ilu, kont żvelajt li l-applikazzjoni tal-MFHEA (Malta Further and Higher Education Authority) biex tissieħeb fuq ir-reġistru tal-EQAR (The European Quality Assurance Register for Higher Education), kienet riġettata.
L-EQAR, huwa reġistru ta’ aġenziji Ewropej ta’ akkreditar ta’ programmi u istituzzjonijiet edukattivi ogħla li jkunu ‘fully compliant’ mal-Istandards Ewropej tal-European Higher Education Area.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, u ffirmata minni bħala Shadow Minister għall-Edukazzjoni, fil-bidu ta’ Diċembru kont fissirt li din hija daqqa ta’ ħarta għar-reputazzjoni edukattiva lokali, u li quddiemha l-Gvern naqas milli jirreaġġixxi.
Aktar minn hekk, il-Gvern injora kompletament u b’konvenjenza din id-disfatta, u sal-lum ħadd mill-Ministeru m’għadu refa’ responsabbiltà. L-applikazzjoni ta’ Malta saret bħal dan iż-żmien sentejn (fl-14 ta’ April tal-2023), u l-konferma li ġiet riġettata anki wara l-istadju tal-appell waslet għand l-Awtorità f’Novembru li għadda, u l-Gvern jibqa’ jagħżel li din mhix ta’ importanza għal attenzjoni immedjata.
Id-deċiżjoni tal-EQAR kienet bażata fuq rapport ta’ ‘audit’ li sar mill-ENQA f’Ottubru tal-2023 u li jinsab ippubblikat fuq il-websajt tagħha. Irrid ngħid li fuq ir-reġistru tal-EQAR hemm aġenziji ta’ akkreditar li huma rikonoxxuti għall-fama tagħhom kemm fuq livell Ewropew u kemm fuq livell internazzjonali, u Malta mhix meqjusa tal-istess livell.
L-ittra li tinforma lill-Awtorità Maltija, l-MFHEA, iffirmata nhar il-5 ta’ Novembru tal-2024 minn Stéphane Lauwick, u li tagħha jiena għandi kopja, tikkonferma li Malta mhix tal-livell mistenni għall-EQAR.
Fuq il-paġna tal-midja soċjali tiegħi, kont diġà kkonfermajt dan meta nhar it-12 ta’ April ktibt hekk: “Jidher li sfortunatament, l-applikazzjoni tal-MFHEA, l-Aġenzija Maltija li tirregola l-liċenzjar tal-istituzzjonijiet edukattivi ogħla, ġiet riġettata mill-EQAR anki wara li sar l-appell għal din id-deċiżjoni…”
Fir-riġettazzjoni, l-EQAR, tgħid hekk: “67. After duly considering MFHEA’s application and additional representation, the Register Committee concluded that MFHEA only achieved partial compliance with a number of standards. MFHEA thus fails to meet some ket requirements to the ESG and, its holistic judgement on the basis of the documentation available and MFHEA’s represenation, the Register Committee remained unable to conclude that MFHEA complies substantially with the ESG as a whole.”
B’hekk, il-MFHEA, taħt Gvern Laburista, ma għad għandha l-ebda awtorità morali fuq l-istituzzjonijiet edukattivi lokali li lilhom trid tirregola, la darba mhix kompatibbli mal-kriterji mistennija u stabbiliti mill-Aġenzija Ewropea l-EQAR. L-MFHEA, qiegħda kulma jmur titlef l-awtorità tagħha quddiem l-istituzzjonijiet privati li jipprovdu l-edukazzjoni ogħla f’Malta għax dan ir-riżultat negattiv ifisser li l-prattiċi ta’ assessjar u akkreditament imħaddma mill-MFHEA għadhom mhux ta’ livell għoli u li jissodisfaw dawk Ewropej kif mistenni, jiġifieri mhumiex ‘fully compliant’ mal-European Standard Guidelines.
Dan qed ikollu, u ilu jkollu, riperkussjonijiet għall-investiment li qed jagħmlu istituzzjonijiet privati fuq il-kredibbiltà tagħhom fil-livell Ewropew u internazzjonali. Mill-informazzjoni li għandi jien, nista’ nikkonferma wkoll li qiegħed jimpatta wkoll il-kredibbiltà ta’ Malta fis-sistema edukattiva ogħla, u quddiem dan kollu l-Gvern jibqa’ passiv.
Bżonn ta’ deċiżjonijiet serji
Fil-Parlament, dakinhar tad-diskors dwar l-estimi, kont ukoll għamilt referenza għall-Istrateġija pubblikata f’Lulju li għadda appuntu għall-MFHEA.
Ironikament, f’din l-Istrateġija li kellha l-għan li twitti t-triq għall-Aġenzija Maltija l-MFHEA tkun elevata fuq il-livell Ewropew, ma ssir ebda referenza għall-isħubija fl-ENQA (The European Association for Quality Assurance in Higher Education) u fl-EQAR, u fl-ebda parti tal-Istrateġija ma hemm referenza dwar meta l-Awtorità qed tippjana li tkun ‘fully compliant’ mal-European Standards Guidelines, appuntu għax il-Gvern kien jaf li Malta mhux se tilħaq it-tragwardi imposti fuq livell Ewropew.
Infakkar li l-Istrateġija ġiet pubblikata b’diversi żbalji u li tikkonferma li saret biss biex il-Gvern jgħid li qed jaħdem f’dan il-qasam.
Illum nista’ nikkonferma li l-unika azzjoni li ħa l-Gvern biex jindirizza l-problemi serji li għandha Malta f’dan is-settur tant importanti, ta’ min jesponiha wkoll. F’Diċembru tal-2024, fl-MFHEA ħarġet dik li tissejjaħ ‘Internal Call’ għall-post ta’ ‘Head of Programme Implemantation’, u li għaliha daħlet applikazzjoni waħda li mbagħad ġiet riġettata wara l-proċess ta’ ‘interview’ intern li wkoll iqajjem diversi dubji għaliex fuq l-‘interviewing board’ ġew appuntati nies direttament mill-Ministeru, prassi li ma ssir qatt la darba s-sejħa kienet interna.
Din is-sejħa interna, eventwalment inħarġet bħala ‘External Call’, speċifikament biex ikun magħżul u appuntat wieħed mill-benjamini tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, u li għal raġunijiet ta’ privatezza mhux se nsemmi ismu hawnhekk imma se nirreferi għaliha bħala JM.
Interessanti tassew li dan l-appuntament sar speċifikament biex l-MFHEA tibda timplimenta l-Istrateġija ppubblikata, imma sal-lum, jidher li l-MFHEA għadha mingħajr Head of Programme Implentation li kellu jibda fl-impjieg f’Jannar tal-2025 u mhux magħruf jekk min ingħata dan l-appuntament huwiex qiegħed jitħallas mill-Ministeru jew inkella mill-MFHEA.
Huwa evidenti li fl-MFHEA hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet serji u li jħallu l-impatt pożittiv mistenni. Sal-lum, il-Gvern huwa responsabbli, u ħadd aktar.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 30 ta’ April, 2025.
//= $special ?>